Internazzjonali

Kuba…Mill-ġdid fuq il-‘lista tat-terrur’ tal-Istati Uniti

L-Istati Uniti, mill-ġdid, poġġiet lil Kuba fuq il-lista ta’ pajjiżi li jisponsorjaw it-terroriżmu, bl-awtoritajiet f’Washington jirreferu għall-‘appoġġ’ li dan il-pajjiż komunista qiegħed jagħti lill-Veneżwela.

L-amministrazzjoni ta’ Donald Trump ikkonfermat dan il-pass jiem biss qabel Trump jispiċċa mill-White House. Dan ukoll meta l-President Amerikan-elett, Joe Biden ( li jieħu l-poter fl-20 ta’ Jannar) għamilha ċara li hu jixtieq li jtejjeb ir-relazzjonijiet bilaterali mal-Gvern ta’ Havana.

Kelliema għall-Gvern ta’ Kuba, fl-aħħar sigħat, fissru dan il-pass mill-Istati Uniti bħala ‘każ ċar ta’ opportuniżmu politiku’.

U għalkemm Biden qed jimpenja ruħu biex jirranġa r-relazzjonijiet ma’ Kuba – avversarju ta’ Washington għal għexieren ta’ snin – id-deċiżjoni ta’ Trump biex jassoċja lil Havana mat-terroriżmu x’aktarx li ttellef ir-restawr ta’ relazzjonijiet ‘kordjali’, ‘il quddiem.

Madankollu, l-analisti qalu li l-evalwazzjoni formali ‘tal-pożizzjoni ta’ Kuba’ fuq il-lista tal-Istati li jisponsorjaw it-terroriżmu kapaċi ddum għaddejja x-xhur.

Kuba – li ilha 60 sena bħala l-uniku Stat komunista fil-Karibew – kienet tneħħiet minn dik il-lista fl-2015 meta Barack Obama kien President tal-Istati Uniti. Intant, Donald Trump, fl-aħħar snin, addotta politika ‘ħafna aktar riġida u ostili’ fil-konfront ta’ dan il-pajjiż.