Lokali Parlament

L-Ombudsman jerġa’ jilmenta min-nuqqas ta’ konsultazzjoni

L-Ombudsman Anthony Mifsud reġa’ ilmenta min-nuqqas ta’ konsultazzjoni mill-Gvern fosthom dwar liġijiet ta’ importanza u riformi li jkunu qed isiru; liema riformi jolqtu direttament lill-pubbliku u anki trattaw il-Liġi dwar l-Ombudsman.

Ir-rapport tal-Ombudsman għall-2020 kien trattat fil-Kumitat Parlamentari għax-Xogħol tal-Kamra li ltaqa’ llum u li kien presedut mill-Ispeaker Anġlu Farrugia.

Għall-Gvern ipparteċipaw id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne, il-Ministru tal-Ġustizzja Edward Zammit Lewis u l-Whip Glenn Bedingfield waqt li għall-Oppożizzjoni pparteċipaw il-Viċi-Kap David Agius, il-Whip Robert Cutajar u d-deputat Nazzjonalista Karol Aquilina.

L-Ombudsman qal li meta l-Uffiċċju tal-Ombudsman fetaħ 25 sena ilu l-ilmenti kienu jlaħħaq madwar 1,200 fis-sena u llum dawn niżlu madwar 600 fis-sena minħabba li d-Dipartimenti tal-Gvern u l-entitajiet llum huma ħafna iktar konxji mill-importanza tal-Uffiċċju. Hu qal li minkejja li ma kienux konsultati huma kienu jsegwu dak li kien qed iseħħ mill-Ministeru tal-Ġustizzja li kellu pressjoni kbira biex iwettaq ċertu riformi minn istituzzjonijiet barranin, fosthom il-Kummissjoni Venezja.

Fi tmiem il-laqgħa, il-Kumitat approva r-rapport tal-Ombudsman 2020.