Lokali Qorti

Mhux ħati li seraq il-passaport ta’ martu biex il-maħbuba tiegħu issiefer miegħu

Libjan ta’ 38 sena ma nstabx ħati mill-Maġistrat Victor Axiak li fis-sajf li għadda huwa seraq il-passaport ta’ martu biex il-maħbuba tiegħu tkun tista’ ssiefer miegħu.

Alturouq Ali Mohammed Ali residenti l-Marsa ma nsabx ħati li fit-13 t’ Awissu 2020 u qabel kellu fil-pussess tiegħu dokument tal-ivjaġġar u permess ta’ residenza Maltija, maħruġ fuq isem martu Asraa Salim Aemmaar Alyousufi.

Il-Qorti fis-sentenza tagħha qalet li l-fatt li martu ma xehditx f’dawn il-proċeduri u minkejja li x-xhieda tal-Libjan u anke tal-maħbuba tiegħu ma kinitx kredibbli, hija ma setegħetx issib lil Alturouq Ali Mohammed Ali ħati minħabba nuqqas ta’ provi.

Il-maħbuba tal-akkużat Doghmi Nezha kienet instabet ħatja fi proċeduri oħra dwar serq ta’ passaport u kienet ġiet ikkundannata għal terminu ta’ priġunierija.

Alturouq Ali Mohammed Ali ma nstabx ħati li seraq dokumenti personali, li huma passaport u permess ta’ residenza, it-tnejn maħruġa fuq isem il-mara tiegħu. Dan il-każ jikkonċerna l-użu ta’ passaport Taljan li rriżulta li kien iffalsifikat wara analiżi li saret mill-Malta Police Forensic Science Laboratory.

Il-Prosekuzzjoni ma’ ressqet l-ebda xhud u għażlet li tesebixxi stqarrija tal-mara ta’ Alturouq Ali Mohammed Ali, li kienet irrappurtat fl-Għassa tal-Ħamrun li żewġha kien serqilha d-dokumenti tagħha inkluż il-passaport minn ġewwa r-residenza tagħha sabiex is-sieħba tiegħu tkun tista’ tużahom u flimkien mat-tifla tagħhom isefru.

Wara li l-Prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispettur Karl Roberts iddikjarat l-istadju tal-provi tagħha magħluq, id-difiża mmexxija mill-Avukat Mario Mifsud oġġezzjonat għall-fatt li hi ma’ kellha l-ebda fakultà tikkontrolla jew tagħmel il-kontro-eżami lill-mara peress li din ma ġietx prodotta bħala xhud.

Il-Qorti laqgħet it-talba tad-difiża li talbet li l-istqarrija tal-mara ma tistax tagħmel parti mill-każ għax ma xehditx fil-Qorti. Il-Qorti fil-fatt qalet li huwa biss meta xhud jidher quddiemha tkun tista’ tagħmel apprezzament tal-fatti.

Il-Qorti qalet li dan ma’ seħħx b’xi nuqqas tal-Prosekuzzjoni illi għamlet li setgħet sabiex tipprova ttella’ lil mara biex tixhed. Jidher iżda li hija telqet barra minn Malta fl-istadju bikri tal-proċeduri u possibbilment anke qabel bdew.

Meta l-Pulizija ppruvaw jagħmlu kuntatt magħha bit-telefon “din qatgħet il-linja”. Kien għalhekk li l-Qorti tat ċans lill-Prosekuzzjoni sal-aħħar nett tal-istadju tal-ġbir tal-provi sabiex tkun tista’ tressaq lil din ix-xhud qabel ma’ finalment kellha ta’ bilfors b’mod formali tordna l-isfilz tal-istqarrija tagħha.

Fl-istqarrija tiegħu lill-Pulizija fit-8 ta’ Settembru 2020, l-imputat qal lill-Pulizija illi huwa ried isiefer ġimgħa vaganza mat-tifla tiegħu u li ċertu Doghmi Nezha, li kellu relazzjoni magħha, kienet għenitu jaqta’ l-biljetti tal-ajru tiegħu u tat-tifla.

Qal illi dakinhar li kien se jsiefer marret l-ajruport sabiex mingħalih tarah sejjer u hemmhekk ra bil-bagalja tagħha u din qaltlu li kienet ġejja magħhom. Madwar sebat ijiem wara imbagħad ġew arrestati mill-Pulizija Belġjana ġewwa lukanda f’Antwerp.

Meta ġie mistoqsi mill-Pulizija kif ma’ ndunax li Nezha kienet se tuża l-passaport tal-mara tiegħu biex issiefer miegħu huwa qal li ma’ kienx induna.

Qal li martu kienet mingħalija li huwa kien se jsiefer mat-tifla mentri fir-rapport li għamlet lill-Pulizija hija qaltilhom illi meta telaq mid-dar żewġha kien qallha li ser jieħu lit-tifla tagħhom l-bandli.

L-imputat ċaħad dan. Qal ukoll li bbukkja l-akkomodazzjoni tal-ewwel lejl ġewwa Brussell permezz tal-mobile tiegħu u li kien daħal fuq Google sabiex jagħmel dan.

Qal illi l-biljetti tal-ajru kienu nqatgħu għalihom it-tlieta minn fuq il-credit card tiegħu u illi Nezha tagħtu l-biljetti dakinhar stess li kienu se jsiefru ġewwa l-Ajruport.

L-imputat għażel li ma’ jixhidx, kif kellu kull dritt li jagħmel, u minflok ressaq bħala xhud lil Doghmi Nezha, l-persuna li skont ir-rapport li sar lill-Pulizija minn Asra Salim Aemmaar Alyousufi, kellha tagħmel użu mid-dokumenti tal-identità tagħha li kienu ġew allegatament misruqa minn żewġha.

Il-maħbuba tal-akkużat qed tiskonta sentenza ta’ priġunerija wara li ġiet misjuba ħatja, f’kawża separata, li serqet u għamlet użu mid-dokumenti t’identità in kwistjoni.

Fis-seduta tad-29 ta’ Ottubru 2020 hija stqarret illi kienet hi u mhux il-maħbub tagħha, li serqet id-dokumenti in kwistjoni u dan mill-vettura tal-imputat.

B’kollox serqet tlett passaporti, tal-imputat, tat-tifla tal-imputat u ta’ Asra Salim Aemmaar Alyousufi. Qalet ukoll illi lintenzjoni tagħha kienet illi tuża l-passaport tal-mara tal-imputat sabiex tkun qiesa l-mara tiegħu biex ssiefer għall-btala miegħu u mat-tifla tiegħu.

Il-maħbuba tal-Libjan qalet ukoll li l-akkużat kien jgħix taħt l-istess saqaf ma’ martu u xi kultant kien imur għandha. Hija xehdet illi kien filgħodu ta’ dakinhar li kienu se jsiefru illi kienet qaltlu bis-sorpriża u ftehmu sabiex imorru b’mod separat għall-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta.

Qalet ukoll illi kienet ibbukkjat l-akkomodazzjoni għall-ewwel lejl minn fuq il-mobile tal-maħbub tagħha u li dan ma’ setax ikun jaf għaliex ma’ kienx jaqra u ma kellux konnoxxenza tal-lingwa Ingliża.

Il-Qorti qalet li bl-ebda mod ma kienet qed temmen ix-xhieda li ngħatat minn Doghmi Nezha, liema xhieda m’hija xejn kredibbli. Madankollu l-aqwa prova tal-Prosekuzzjoni setgħet iġġibha biss ix-xhud prinċipali tagħha, Asra Salim Aemmaar Alyousufi.

Il-Qorti qalet li għandha quddiemha biss l-istqarrija tal-imputat u x-xhieda ta’ Doghmi Nezha u kif ġa ntqal dawn huma nieqsa mill-kredibilta meħtieġa sabiex jkunu t’għajnuna għall-Qorti fl-apprezzament tagħha tal-provi.

Il-Qorti qalet li ma’ għanda l-ebda prova konklussiva li l-imputat ittrasferixxa d-dokumenti tal-identita’ ta’ martu lil Doghmi Nezha u lanqas illi seraq dawn id-dokumenti.

Fid-dawl ta’ dan kollu l- Qorti qalet li m’għandha l-ebda konvinċiment morali mill-provi li jilħqu l-grad rikjest fil-kamp kriminali sabiex issib lill-imputat ħati.