Lokali Qorti

Mixli b’feriti gravi wara party Birżebbuġa u ieħor San Ġiljan fejn intużat id-droga

Il-Qorti fi Triq ir-Repubblika, il-Belt Valletta

Wieħed miż-żewġt irġiel li weġġgħu f’argument li kellhom nhar il-Ħadd li għadda fejn intuża flixkun imkisser tal-imbid tressaq il-Qorti mixli li mingħajr ħsieb li joqtol lil sieħbu, kkaġunalu ġrieħi gravi.

L-inċident ġara f’San Ġiljan fejn wara li numru ta’ persuni organiżżaw party fil-miftuħ f’Birżebbuġa, dawn marru għall-party ieħor f’San Ġiljan fejn intużat ukoll id-droga.

Damir Milosavljevic ta’ 23 sena residenti l-Iklin u mwieled is-Serbja ġie mixli quddiem il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech li nhar il-Ħadd li għadda għall-ħabta tal-11.30am. fi Triq il-Kulleġġ l-Antik, San Ġiljan, mingħajr il-ħsieb li joqtol jew li jqiegħed il-ħajja ta’ Brian Caruana ta’ 46 sena mill-Ħamrun f’periklu ċar, ikkaġunalu ġrieħi gravi.

L-Ispettur Leeroy Balzan Engerer qal fil-Qorti li hemm diversi xhieda li se jkunu mħarrka biex jixhdu f’dawn il-proċeduri. “Madankollu ma nafx kemm dawn jistgħu joffru ‘insight’ ta’ dak kollu li ġara”, qal l-Ispettur.

Minn naħa tiegħu l-Avukat Mario Mifsud li deher għal Milosavljevic qal li huwa jaf għaliex l-Ispettur qed jitkellem b’dan il-mod, u tenna li x-xhieda li kienu preżenti ma kienux f’sensihom fil-ħin li twettaq l-allegat reat.

Milosavljevic ġie mixli wkoll li kellu fil-pusses tiegħu d-droga ecstacy u li kiser il-paċi pubblika. L-Ispettur Balzan Engerer qal li l-allegat vittma Caruana se jitressaq ukoll il-Qorti mixli bil-ġlieda u li attakka lill-akkużat.

Mill-investigazzjoni li għamlet il-Pulizija jirriżulta li allegatament kien Brian Caruana li ħebb għal Milosavljevic bi flixkun imkisser, bl-akkużat jiddeffendi ruħu u jattakkah bil-ponn. Sakemm tressaq il-Qorti Carauna kien għadu rikoverat l-Isptar Mater Dei.

Huwa mifhum li wara li numru ta’ persuni organiżżaw party fl-għalqa ġewwa Birżebbuġa, wieħed minn dawk li attendew stiedinhom biex imorru għandu San Ġiljan sabiex ikomplu jiddevertu fejn ukoll kellu apparat tal-mużika li ntuża.

Għal xi raġuni l-akkużat u l-allegat vittma kellhom xi jgħidu u minn hemm sploda kollox.  Il-Prosekuzzjoni qalet li ma kinitx qed toġġezjona għal libertà proviżorja bil-Qorti tilqa’ t-talba tad-difiża fuq depożitu ta’ €5,000 u garanizja personali ta’ €5,000.