Internazzjonali

Stati Uniti: Tħassib dwar il-potenzjal tal-inkwiet f’Jum l-Inawgurazzjoni ta’ Biden

L-Aġenti tal-Federal Bureau of Investigation (FBI) qed iwissu dwar il-possibbiltà li gruppi ta’ nies armati – kollha sostenituri ‘estremisti’ tal-President Amerikan Donald Trump — ‘se jimlew iċ-ċentru ta’ Washington’ dakinar li l-President-elett, Joe Biden, jieħu l-ġurament bħala s-46 Mexxej tal-Istati Uniti.

Is-sostenituri ta’ Trump, flimkien ma’ gruppi radikali tal-lemin, inklużi entitajiet faxxisti, fil-preżent qed isejħu biex tinstama’ ‘il-vuċi ta’ rabja’ permezz ta’ dawn id-dimostrazzjonijiet, bis-sitwazzjonijiet qed tħasseb sew lill-awtoritajiet tas-sigurtà nazzjonali.

Ħarġu wkoll rapporti li diversi gruppi armati qed jippajanaw biex jinġabru fl-ibliet kapitali tal-50 Stat Amerikan – u f’Washington DC – fil-jiem qabel l-inawgurazzjoni ta’ Biden.

Intant, l-awtoritajiet inkarigati mis-sigurtà mhuma se jieħdu l-ebda ċans wara x-xeni traġiċi ta’ jiem ilu, meta folla ta’ sostenituri ta’ Trump assedjaw il-bini tal-US Capitol (is-sede tal-Gvern) f’Washington,bir-riżultat li mietu ħames persuni.

Fl-istess ħin, id-Demokratiċi fil-Kamra Amerikana għar-Rappreżentanti qalu li vot għall-impeachment tal-President Trump għandu jsir f’nofs il-ġimgħa.

Id-Demokratiċi qed jakkużaw lill-President Trump dwar ‘l-inċitament tan-nies bil-għan li jqajjem rewwixta’ u meta l-aġir tiegħu xpruna ‘ħuġġieġa ta’ vjolenza’ fiċ-ċentru tal-kapitali.

Huma  qalu wkoll li l-vot għall-impeachment ‘isir żgur’ dment li l-Viċi-President Amerikan, Mike Pence, ma jattivax il-poteri kostituzzjonali tiegħu biex Trump jitneħħa minnufih minn President. S’issa ma hemm l-ebda sinjal li Mike Pence beħsiebu jieħu dan il-pass.

Filwaqt li Joe Biden u l-Viċi-President eletta Kamala Harris qed iħejju biex jieħdu l-ġurament waqt iċ-ċerimonja tal-20 ta’ Jannar fil-Capitol, l-uffiċjali ta’ magħhom diġà ħeġġew lill-Amerikani biex, dakinar, jevitaw li jivvjaġġaw lejn Washington  minħabba l-pandemija tal-Covid-19.

Sadanittant, din is-sejħa qegħdin jirrepetuha wkoll l-awtoritajiet lokali — speċjalment wara l-vjolenza tal-ġimgħa li għaddiet f’Washington.

Madankollu, l-uffiċjali tas-sigurtà fl-aħħar sigħat għamluha ċara li ‘mhux se jkun hemm ripetizzjoni’ tal-konfronti vjolenti li heżżew il-qalba ta’ Washington fis-6 ta’ Jannar, s-sostenituri ta’ Trump daħlu fil-bini tal-Capitol,f’ħin meta l-membri tal-Kungress kienu qed jivvutaw biex jikkonfermaw ir-riżultat tal-elezzjoni presidenzjali tat-3 ta’ Novembru mirbuħa minn Biden.

L-inkwiet seħħ wara li Donald Trump irrepeta l-allegazzjonijiet mhumiex issostanzjati dwar frodi u tbagħbis waqt il-vot presidenzjali u fejn hu anki ħeġġeġ lill-partitarji tiegħu ‘biex jimmarċjaw lejn il-qalba ta’ Washington’.

Minn dakinar – li l-osservaturi qed ifissruh bħala ‘Jum Iswed għall-Istati Uniti – żdiedet il-pressjoni biex Donald Trump jitwarrab mit-tmexxija tal-pajjiż avolja fadal biss ftit jiem sakemm Joe Biden jieħu r-riedni tal-Gvern.

Minbarra d-determinazzjoni tad-Demokratiċi biex ‘ma jħallux lil Trump jagħmel aktar ħsara’  żdiedu l-membri tal-Partit Repubblikan li wkoll qegħdin jesiġu biex il-President attwali jitwarrab ‘illum qabel għada’.

Min-naħa tiegħu, Donald Trump ma għamel l-ebda stqarrijiet pubbliċi mindu Twitter u entitajiet oħra tal-media soċjali, jiem ilu, waqqfuh milli juża l-mezzi tagħhom biex iwassal il-messaġġ tiegħu.