Lokali Qorti

Tonqos sentenza ta’ ħabs għall-immigrant li ħalla Malta b’dokumenti foloz

Il-Qorti tal-Appell Kriminali preseduta mill-Imħallef Giovanni Grixti naqset sentenza ta’ sentejn ħabs għal waħda ta’ sena fil-konfront ta’ Lawru Adam ta’ 18-il sena mill-Eritrea li ħarab minn Malta b’dokumenti foloz mill-Ajruport Internazzjonali.

Fost affarijiet oħra huwa appella mill-piena għax meta tressaq il-Qorti kien għadu taħt l-età u li l-piena kienet waħda esaġerata. Flimkien ma’ tnejn oħra Adam kien ammetta li kien ippreżenta dokumenti ta’ immigranti oħra li fil-passat kienu telqu minn Malta.

Il-każ kien seħħ fis-7 ta’ Awwissu li għadda. Huwa kellu passaport tar-refugjati ta’ Malta u li ta tagħrif falz lill-Uffiċjal Prinċipali ta’ l-Immigrazzjoni.

Luwru Adam appella mill-piena nflitta u talab lill-Qorti tirriforma s-sentenza u dan peress li kien ammetta l-akkużi, izda ma’ ammettiex li huwa kien twieled fil-1 ta’ Jannar 2002, iżda wara.

Ir-raguni hija li lfid-data tal-kommissjoni tar-reat l-appellant qal li huwa kien għadu minorenni u għalhekk kellu jibbenefika minn piena mnaqqsa skond l-artikolu 37(2) tal-Kodici Kriminali.

Huwa ilmenta wkoll mill-fatt li l-piena li ngħata kienet waħda esaġerata. Għalkemm mhux deskritta bi kliem ċar, l-appellant qal illi l-piena hija erba’ darbiet aktar minn dik li tingħata f’każijiet simili.

Mill-atti proċesswali jirriżulta li Adam kien wasal Malta bħala refuġjat fuq dgħajsa mill-Libja flimkien ma’ 200 immigrant iehor. F’Awwissu 2020 intbaghat lura Malta minn Ruma wara li kien siefer b’passaport ta’ persuna oħra u li għalih ħallas €800.

Dan l-aġir huwa bi ksur tas-subartikolu li jwassal għal piena ta’ priġunerija għal żmien ta’ mhux iżjed minn sentejn. L-użu ta’ tali passaport imbagħad huwa suġġett għal piena ta’ mhux aktar minn sitt xhur.

Fuq dikjarazzjoni falza lill-Uffiċċjal Prinċipali tal-Immigrazzjoni, din ġġorr piena ta’ multa ta’ mhux iżjed minn €11,646.87 jew priġunerija għal zmien ta’ mhux aktar minn sentejn jew dik il-multa u priġunerija flimkien.

Il-Qorti qalet li huwa minnu li l-frekwenza ta’ dawn ir-reati qiegħda kull ma jmur tiżdied u tifhem li s-sentenza ngħatat sabiex tirrifletti l-gravita’ tas-sitwazzjoni aktar u aktar meta dan huwa reat kontra s-sigurtà tal-fruntieri u użu ta’ dokumenti foloz.

Madanakollu huwa ugwalment importanti li l-piena tkun waħda proporzjonata u raġonevoli skond il-każ. Huwa ukoll għal dan il-għan li l-leġislatur ikun pprovda gradwatorja ta’ piena bejn il-minimu u l-massimu, liema gradwatorja hija afdata esklussivament f’idejn il-ġudikant.

Irid jingħad ukoll illi wieħed mill-għanijiet tal-piena huwa l-aspett ta’ deterrent. Konsiderat dan kollu u kont ukoll ta’ sitwazzjoni fejn tkun reġistrata ammissjoni fi stadju bikri tal-proċeduri kif ukoll illi l-pieni ma jistgħux jibqgħu ikunu applikati fil-minimu tagħhom bil-frekwenza ta’ dawn ir-reati dejjem tizdied.

Il-Qorti tal-Appell qalet li se jkollha tiddisturba d-diskrezzjoni ezercitata mill-ewwel Qorti u ghalhekk qed tilqa’ t-tieni aggravju bil-piena tkun waħda esaġerata.

Ghal dawn ir-raġunijiet, irriformat is-sentenza appellata billi tikkonfermaha f’dik il-parti li biha sabet lill-imputat ħati tal=-imputazzjonijiet kontra tieghu, iżda tħassarha fejn ikkundannatu għal sentejn priġunerija u minflok qed tikkundannah ghal terminu ta’ priġunerija ghal zmien sena Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Hubert Gerada