Internazzjonali

Covid-19….L-aħħar żviluppi fl-Ewropa u madwar id-dinja

Il-Gvern tal-Portugall mistenni jħabbar restrizzjonijiet iebsa għall-poplu li x’aktarx jibqgħu fis-seħħ għal talanqas xahar. Skont il-kriterji tal-lockdown — li l-Ministri f’Lisbona  mistennija jaqblu dwarhom dalwaqt — in-nies se jkunu avżati biex jibqgħu d-dar, iżda t-tfal ta’ età primarja xorta waħda se jkunu jistgħu jattendu l-iskola.

Min-naħa tiegħu, il-Ministru tas-Saħħa fil-Ġermanja, Jens Spahn, appella biex aktar ażjendi u intrapriżi jippermettu lill-ħaddiema biex jaħdmu mid-dar fi żmenijiet inkwetanti. Hu qal li l-movimenti tal-Ġermaniżi huma ‘aktar frekwenti milli kienu waqt l-lockdown inizjali fil-pajjiż’ waqt li wissa li l-kuntatti soċjali jridu jonqsu fix-xahrejn jew tliet xhur li jmiss,

Il-Gvern tal-Italja, sadanittant, qed jiffaċċja kriżi wara li l-Kabinett tal-Prim Ministru Taljan, Giuseppe Conte, appoġġja pjan għall-infiq ta’ 222.9 biljun ewro bħala fondi (recovery funds) mogħtija mill-Unjoni Ewropea biex il-pajjiż jiffaċċja aħjar din il-pandemija.

L-eks Prim Ministru Taljan, Matteo Renzi, fl-aħħar sigħat kien qed jhedded li jirtira lill-partit tiegħu Italia Viva (IV) mill-Gvern ta’ koalizzjoni, fost l-insistenza li ‘dawn il-flus se jintefqu fix-xejn’.

It-Tuneżija millum qed tibda lockdown nazzjonali ta’ erbat ijiem biex trażżan il-firxa tal-infezzjonijiet bil-Covid-19.

Dan il-pajjiż ilu minn Settembru jipprova jnaqqas il-każi tal-infezzjoni fl-artijiet tiegħu u meta sallum ikkonferma ‘il fuq minn 160,000 każ tal-coronavirus minbarra 5,000 mewta dovuti għall-pandemija.

Fl-aħħar sigħat ukoll, l-esperti tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) kienu mistennija jaslu fil-belt ta’ Wuhan, fiċ-Ċina, biex jibdew jinvestigaw l-oriġini tal-Covid-19.

L-ewwel aħbarijiet dwar il-pandemija – ftit aktar minn sena ilu – qalu li l-virus ġdid kien feġġ minn suq ta’ Wuhan fejn jinbiegħu l-ispeċi tal-annimali slavaġ u eżotiċi. Dan meta l-Gvern komunista f’Beijing, fl-aħħar xhur, deher li kien qed jostakola l-isforzi tal-entitajiet internazzjonali biex ‘isibu jafu l-veru sors tal-Covid-19’.

Ilum, madwar id-dinja, hemm ‘il fuq minn 91 miljun każ irreġistrat tal-Covid-19 fost rapporti ta’ kważi żewġ miljun mewta relatati. Dan skont id-data provduta minn Johns Hopkins University ta’ Baltimore, fl-Istati Uniti.