Internazzjonali

Covid-19: L-istaff mediku fir-Renju Unit jinsab trawmatizzat bl-ammont tal-vittmi…

L-impatt tal-Covid-19 mhux talli qed iħalli numru allarmanti ta’ vittmi iżda qed jikkaġuna effetti psikjatriċi negattivi għall-membri tal-istaff mediku – partikularment l-infermiera li jkunu mal-pazjenti fl-aħħar sigħat ta’ ħajjithom.

Dan qalitu t-tabiba Caroline Walker, psikjatra fir-Renju Unit u li fissret sitwazzjonijiet fl-isptarijiet fejn il-ħaddiema mediċi ‘qed ikollhom jagħmlu l-aktar deċiżjonijiet diffiċli dwar il-persuni li għandhom jingħataw kura immedjata’.

Din ir-responsabbiltà qed iżżid mal-‘pressjoni straordinarja’ li qed jiffaċċjaw l-infermiera fl-Intensive Care Units tal-isptarijiet – b’Walker tispjega li ‘dawn l-infermiera huma l-aħħar nies li l-pazjenti li jkunu waslu fl-aħħar jaraw fil-mumenti qabel mewthom u meta l-infermiera ta’ spiss ikunu l-punt ta’ riferiment ewlieni għall-pazjenti kif ukoll qrabathom’.

Il-psikjatra sostniet li t-tobba u l-infermiera tal-NHS (National Health Service) madwar ir-Renju Unit ‘jinsabu mkissrin, mentalment ui fiżikament, minbarra li demoralizzati’. Dan meta qed jinħass tassew ‘sens ta’ biża’ fil-futur peress li r-Renju Unit, fost pajjiżi oħra, għad irid jintlaqat mit-tieni mewġa tal-coronavirus.

Sadanittant, is-Segretarju tas-Saħħa Britanniku, Matt Hancock, qal li ħafna mill-ammonti kbar ta’ infezzjonijiet bil-Covid-19 li kienu rappurtati fir-Renju Unit fl-aħħar jiem x’aktarx li għandhom jissarrfu f’każijiet ta’ sptar, fi spazju ta’ ftit ġimgħat.

Fl-istess ħin, Matt Hancock ipprova jinkoraġġixxi lill-poplu bil-kumment li ‘dan il-perjodu jista’ anki jkun l-agħar tal-pandemija’ dment li n-nies jikkooperaw mal-awtoritajiet tas-saħħa u jsegwu b’attenzjoni t-twissijiet, fid-dawl tal-kriżi.

Dan meta f’uħud mill-aħħar ġranet, ir-Renju Unit irrapporta diversi drabi ‘il fuq minn 60,000 infezzjoni bil-Covid-19 (fil-pajjiż) għal perjodi rispettivi ta’ 24 siegħa il-wieħed.

Filwaqt li r-riċerkaturi qed ikomplu jistinkaw għall-produzzjoni ta’ aktar vaċċini effettivi kontra l-Covid-19, il-vaċċin żviluppat mill-kumpanija Sinovac, taċ-Ċina, instab li kellu biss effettività ta’ 50.4 fil-mija waqt il-provi kliniċi li saru fil-Brażil.

Ir-riżultati diżappuntanti juru li dan il-vaċċin – CoronaVac — fil-fatt, hu ħafna anqas effettiv milli suġġeriet id-data preċedenti u meta bilkemm indika ‘il-medja tal-effettività meħtieġa’ għall-approvazzjoni regolatorja. Is-Sinovac hi kumpanija tal-bijofarmakoloġija li hi bażata f’Beijing.