Lokali Parlament

Gasoil kellha problemi finanzjarji kbar iżda xorta ngħatat il-kuntratt tal-power station; tliet xhur wara biegħu kollox

Il-Gvern jopponi li l-kuntratti ċensurati jkunu provduti mill-entitajiet tal-Gvern

Jirriżulta li l-kumpanija Gasoil kellha problemi kbar finanzjarji anki fil-proċess ta’ evalwazzjoni tal-power station tal-Electrogas iżda xorta ingħatat il-kuntratt; tliet xhur wara Gasoil ħarġu mill-proġett u biegħu kollox.

Il-Kumitat Parlamentari għall-Kontijiet Pubbliċi (PAC) kompla jiddiskuti l-kuntratt tal-power station tal-Electrogas. Il-Gvern kien rappreżentat mill-Whip Glenn Bedingfield, mis-Segretarju Parlamentari Alex Muscat, mill-Ministru Clayton Bartolo u mid-deputat Laburista Ian Castald Paris.

Għall-Oppożizzjoni pparteċipaw id-deputati Beppe Fenech Adami, Karol Aquilina u Ryan Callus. Il-Kumitat hu presedut mid-deputat Nazzjonalista Beppe Fenech Adami.

L-Oppożizzjoni, permezz tad-deputat Nazzjonalista Karol Aquilina, talbet kopji tal-kuntratti mhux ċensurati li kienu skrutinati mill-Awditur Ġenerali (NAO) fil-proċess ta’ analiżi tal-power station bil-Gvern jopponi u jsostni li dawn huma trattati mill-istess rapport tal-Awditur Ġenerali. Il-Whip tal-Gvern Glenn Bedingfield oppona għal din it-talba għax qal li dan jimmina x-xogħol tal-Awditur Ġenerali.

Il-proposta tal-Oppożizzjoni kienet se titressaq għall-vot iżda s-Segretarju Parlamentari Alex Muscat qal li l-Oppożizzjoni qed tipprova tagħmel awditjar hi tax-xogħol li jitwettaq mill-Awditur Ġenerali. Id-deputat Nazzjonalista Karol Aquilina irrimarka li s-Segretarju Parlamentari Alex Muscat qed jattribwixxi affarijiet li m’humiex minnhom.

Id-deputat Nazzjonalista Beppe Fenech Adami qal li hu jrid jagħmel diversi mistoqsijiet lill-ex Ministru Konrad Mizzi u lill-uffiċjali tal-Enemalta dwar kif ċertu informazzjoni nżammet milli issir pubblika.

Id-deputat Nazzjonalista Karol Aquilina qal li l-ġudizzju tal-NAO dwar il-power station mhux pożittiv u l-Gvern m’għandux biex jiftaħar bih.

Fil-vot fuq il-mozzjoni tad-deputat Nazzjonalista Karol Aquilina tliet deputat tal-PN ivvutaw favur waqt l-erba’ deputati tal-Gvern ivvutaw kontra. Glenn Bedingfield qal li l-vot tal-Gvern kontra l-proposta tal-Oppożizzjoni għaliex għandhom fiduċja asosluta fl-istituzzjoni tal-NAO.

Id-deputat Nazzjonalista Karol Aquilina qal li l-membri tal-Gvern qed joġġezzjonaw li jkunu pprovduti lill-Kumitat l-kuntratti mhux ċensurati dwar il-power station tal-Electrogas u dan biex l-istess kuntratti jinżammu sigrieta u l-Kumitat għall-Kontijiet Pubbliċi ma jkunx jista’ iwettaq il-funzjonijiet tiegħu.

Hu kompla li l-Oppożizzjoni tiddikjara li se tibqa’ tinsisti li dawn il-kuntratti jkunu pprovduti lill-Kumitat mill-Gvern u minn dawk involuti fil-proġett tal-Electrogas. L-Oppożizzjoni nnotaw ukoll li l-membri tal-Gvern m’għandhomx fiduċja fl-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika (NAO) dment li mhux lesti jinsistu li l-analiżi li jagħmel l-NAO tkun diskussa fl-iktra mod sħiħ minn dan il-Kumitat.

Fil-preżentazzjoni tiegħu dwar ir-rapport tal-NAO, l-uffiċjal tal-NAO Keith Mercieca tkellem dwar it-trasferiment tal-ishma. Fis-16 ta’ Lulju 2015, il-Gasoil iddeċidiet li tbiegħ is-sehem tagħha minħabba problemi li ma setgħetx tkompli fil-proċess. L-azzjonisti l-oħra riedu jixtru l-ishma u esprimew l-intenzjoni tagħhom mal-Gvern. Dan seħħ tliet xhur wara li kien intrebaħ il-kuntratt f’April. Jirriżulta li kien hemm problemi fl-istadju ta’ evalwazzjoni tal-offerta iżda dawn ma kienux kbar biżżejjed.

Jirriżulta wkoll li l-penali li qalgħu Gasoil minħabba s-sitwazzjoni finanzjarja ma kellux effetti li jbiddel l-andament tal-proċess.

Beppe Fenech Adami irrimarka li fir-rapport tal-NAO irriżulta li l-kuntratt ingħata lil Gasoil li kienu falluti u li fil-fatt biegħu l-ishma tagħhom. Dan il-punt tal-falliment ingħata ftit wiusq importanza fl-iskrutinju. Keith Mercieca qal li dan kien aspett importanti speċjalment minħabba li Gasoil kien il-prim attur/sieħeb kummerċjali ta’ dan il-proċess iżda l-proċess baqa’ għaddej u finalment ħadu l-offerta.

Id-deputat Nazzjonalista Beppe Fenech Adami qal li dan il-fatt kien magħruf mill-Kumitat ta’ Evalwazzjoni iżda baqa’ għaddej sakemm ingħatat l-offerta u tliet xhur wara l-Gasoil telqu ‘l hemm.

Id-deputat Nazzjonalista Ryan Callus staqsa min kien ikkrea l-kriterji tal-għażla u min għamel dawn id-deċiżjonijiet kruċjali. Hu qal li jidher li l-istruttura l-aktar li ddeċidiet kien il-Programme Sponsor Group kien hemm l-ex Ministru Konrad Mizzi. Keith Mercieca qal li jrid jivverifika dwar dan iżda moħħu mar fil-Programme Sponsor Group. Ryan Callus talab li l-Kumitat jingħata kopja tal-minuti ta’ dan il-Programme Sponsor Group.

Il-Whip Laburista Glenn Bedingfield qal li dawn huma minuti kunfidenzjali.

Id-deputat Nazzjonalista Beppe Fenech Adami staqsa lill-membri tal-Gvern jekk jaqblux li dawn il-minuti jkunu mitluba lill-Enemalta flimkien mal-minuti tal-Kumitat ta’ Evalwazzjoni dwar il-power station tal-Electrogas. Il-Gvern m’oġġezzjonax għal din it-talba.

Keith Mercieca qal li mhux stabbilit għaliex il-Gasoil biegħu l-ishma kollha fi tliet xhur u l-ishma tqassmu bejn l-azzjonisti l-oħra. Hu qal li kien mifhum li ma kienx possibbli li f’dak il-mument ikun hemm bidla fl-azzjonisti.

Id-deputat Nazzjonalista Beppe Fenech Adami qal li kien hemm ftehim mal-Gvern li ma jistax ikun hemm tibdil fl-azzjonisti sal-2018 iżda minkejja dan xorta kien hemm bidliet. Beppe Fenech Adami qal li l-NAO iddikjara li ma jaqbilx li saru dawn il-bidliet u sostna li fl-opinjoni tal-Uffiċċju dan seħħ bi ksur tal-ftehim tal-implimentazzjoni.

Id-deputat Nazzjonalista Karol Aquilina staqsa dwar ir-raġunijiet tal-Gasoil biex joħorġu mill-proġett bl-Uffiċjal tal-NAO iwieġeb li dan kien rikonoxxut mill-Kumitat ta’ Evalwazzjoni “iżda xorta baqgħu għaddejjin”.

Dwar il-garanzija bankarja, l-Awditur Ġenerali qal li l-garanzija bankarja ma kellha x’taqsam xejn mad-diffikultajiet finanzjarji tal-Gasoil. Keith Mercieca qal li Gasoil kienu l-imsieħba ewlenin fil-proġett u sostna li ftit ġranet wara kien iffirmat ftehim ieħor biex ma jsirux iktar tarsferimenti ta’ ishma. Il-valur tax-share transfer mhux indikat iżda l-ishma tqassmu ugwali bejn l-azzjonisti anki jekk dawn ma kellhomx l-istess numru ta’ ishma.

Jirriżulta mir-rapport tal-NAO li l-kumpaniji mhux kollha kienu trattati bl-istess mod fejn kien hemm offerenti li ma ssottomettewx id-dokumentazzjoni neċessarja.

Il-kumitat aġġorna għal data oħra.