Futbol Sport

Gowl lejn it-tmiem ta’ Falzon isalva punt għal Tarxien

Tarxien R……………….2
Floriana………………….2

Tarxien R.: D. Fernandes, C. Conceicao, B. Muscat, E. Zarate, D. Zerafa, J. Debono (L. Sciberras 87’), E. Rosado, E. Ssekisambu (D. Falzon 64’), I. Paz, K. Gatt, R. Kooh Sohna

Floriana: E. Akpan, M. Beye, E. Ruiz (J. Busuttil 46’), D. Venancio, N. Leone, K. Keqi, J. Arias, B. Paiber (S. Arab 85’), A. Cini, F. Cheveresan, R. Camenzuli

Referee: A. Johnson

Assistenti referees: M. Scerri, D. Stankovic

Tarxien Rainbows kisbu punt importanti hekk kif żammew fi draw ta’ 2-2 liċ-champions Floriana, f’partita kkaraterizzata minn riħ qawwi. Dan kien it-tieni draw konsekuttiv għall-kowċ John Buttigieg fit-tmexxija ta’ Floriana wara li fl-ewwel partita temm fi draw ta’ 0-0 kontra Żejtun Corinthians. Għal Tarxien dan kien l-ewwel punt wara ħames telfiet konsekuttivi. Floriana fetħu l-iskor fit-33 minuta meta minn cross minn fuq il-lemin ta’ Venancio, kien BRANDON PAIBER li kkonkluda fil-baxx għal 1-0. Tarxien irrispondew u ħames minuti wara ġabu l-iskor indaqs meta wara xogħol tajjeb minn naħa tax-xellug id-debuttant Ivan Paz xeħet cross għal ġol-kaxxa fejn sab lid-debuttant l-ieħor RAPHAEL KOOH SOHNA li bir-ras xeħet għal ġewwa għal 1-1.

It-tim ta’ John Buttigieg reġa mar fil-vantaġġ minuta qabel tmiem l-ewwel taqsima meta reġa kien għal darb’oħra BRANDON PAIBER li din id-darba ikkonkluda minn cross ta’ Arias wara azzjoni maħduma tajjeb mit-tim Furjaniż. Floriana ħarġu aħjar fit-tieni taqsima u kellhom ċans jiskorja t-tielet gowl wara li s-sostitut Busuttil aprofitta minn indeċiżjoni fid-difiża ta’ Tarxien bil-konklużjoni tiegħu tgħaddi ftit barra. Tarxien resqu viċin li jġibu l-iskor indaqs fit-78 minuta iżda l-konklużjoni ta’ Falzon għaddiet għoli mil-lasti ta’ Akpan. Meta kollox deher li Floriana kienu se jieħdu t-tliet punti, freekick mill-isbaħ tas-sostitut DARREN FALZON salva punt importanti għal Tarxien.