Lokali Qorti

Ħaddiem tal-kostruzzjoni jammetti li farrak uffiċċju ta’ min kien iħaddmu

Ħaddiem tal-kostruzzjoni li farrak proprjetà fl-uffiċċji ta’ min kien iħaddmu permezz ta’ ħadida f’żewġ okkażjonijiet, ammetta l-akkużi ta’ ħsara kriminali.

L-Ispettur Roderick Spiteri akkuża lil Amadou Conteh quddiem il-Maġistrat Charmaine Galea, li għamel ħsara lil bieb, sistema ta’ intercom u kamera tas-CCTV

L-Ispettur qal lill-Qorti li l-akkużat, li ġej mill-Gambja, mar fl-uffiċċju ta’ min kien iħaddmu qabel fil-5 ta’ Jannar u għamel ħsara fuq oġġetti, qabel ma rritorna fid-9 ta’ Jannar u għamel l-istess mill-ġdid. Il-ħsara ġiet stmata għal €4,242.10.

L-avukat tiegħu, Mark Mifsud Cutajar, qal lill-Qorti li l-akkużat kien ikkonferma l-fatti kollha kif ukoll il-parteċipazzjoni tiegħu fid-delitt, lill-Pulizija. Conteh wieġeb ħati tal-akkużi miġjubin kontrih.

“Jidher li l-akkużat kien jirrisjedi f’postijiet li jappartjenu lil klijent tal-vittma. Għal xi raġuni, wara li ntemmlu l-kuntratt, huwa ħass il-ħtieġa li jiżvoga l-frustrazzjoni tiegħu fil-bini tal-parte civile,” spjega l-avukat.

L-akkużat, li skuża ruħu għall-azzjonijiet tiegħu, qal lill-Qorti li d-Diretturi tal-kumpanija li kienet timpjegah kienu “għadhom warajh” jikkawżawlu ħsara psikoloġika. “Huma qegħdin jispijaw fuqi, għandhom kameras fil-bini tiegħi,” qal ir-raġel.

Fis-sottomissjonijiet tiegħu dwar il-piena, Mifsud Cutajar qal lill-Maġistrat li sentenza sospiża tagħmel aktar sens jekk kien se jkun hemm ordni għall-ħlas tad-danni, kif l-akkużat kien fl-impjieg. Id-difiża ma kkontestatx l-ammont ta’ danni kkawżati mill-akkużat.

Wara li semgħet lil Conteh jammetti l-ħtija u jikkonferma l-ħtija tiegħu, il-Qorti kkundannatu għal sentejn ħabs, sospiż għal tliet snin. Huwa ġie ordnat iħallas €4,242 fi żmien sitt xhur. Inħarġet ukoll ordni ta’ protezzjoni favur is-sidien tal-binja.