Lokali

Il-Gvern Laburista jibqa’ jinjora lin-nies fil-qasam tal-ippjanar – PN

L-Oppożizzjoni Nazzjonalista ma tistax taċċetta li l-Gvern Laburista f’pajjiżna jibqa’ ripetutament jinjora l-karbiet tan-nies fi kwistjonijiet marbuta mal-qasam tal-ippjanar.

L-aħħar każ fejn il-Gvern injora kompletament dak li qed jgħidu n-nies seħħ ilbieraħ hekk kif dan ressaq fil-Kumitat Parlamentari għall-Ambjent u l-Ippjanar tal-Iżvilupp, proposta biex fiż-żoni industrijali tal-Marsa u l-Imrieħel jitneħħa l-limitu fl-għoli tal-bini.

Fi stqarrija maħruġa mid-deputati Kevin Cutajar, David Thake u Toni Bezzina, intqal illi l-iskuża tal-Gvern wara din il-proposta kienet li f’Malta hawn nuqqas ta’ spazju għall-industrija. Dan id-diskors intqal mill-Gvern bla ma dan indenja ruħu jressaq studju li juri dan. Wisq anqas il-Gvern ippreżenta mqar studju dwar l-impatt ambjentali li l-proposta tiegħu tħalli fuq l-Marsa u l-Imrieħel u ż-żoni tal-madwar.

Il-PN qal li l-Gvern naqas ukoll li jikkunsidra kemm fil-verita’ se jibqa bżonn għall-spazju fiżiku għall-industrija, issa li bil-pandemija mixjin lejn sistema fejn in-nies jaħdmu mid-dar. Quddiem il-falliment tal-Gvern li jiġġustifika bis-serjeta’ l-proposta tiegħu, huwa evidenti li l-iskop huwa ieħor li l-istess Gvern qed jaħbi.

Għalhekk, l-Oppożizzjoni Nazzjonalista permezz ta’ Kevin Cutajar u David Thake, l- membri tagħha fuq il-Kumitat Parlamentari għall-Ambjent u l-Ippjanar tal-Iżvilupp, ivvotat kontra l-proposta tal-Gvern. Madanakollu, din għaddiet bil-voti favur tal-membri tal-Gvern li qegħdin f’maġġoranza.

Dan f’wiċċ il-kor sħiħ t’oġġezzjonijiet mill-pubbliku, turija ċara jekk qatt kien hemm bżonn, tal-arroganza tal-Gvern Laburista li jibqa’ jagħmel dak li jaqbel lilu, a skapitu tal-interess tal-pajjiż u tal-poplu.