L-eks Mexxej tal-Partit Laburista u l-Membru Parlamentari Ewropew Laburista Alfred Sant tenna li l-protesti kontra l-proġett ta’ Ian Borg li se jkun qed jeqred art agrikola f’waħda mill-aktar żoni għammiela ta’ Malta, f’Ħal Qormi, bħala protesti ġustifikati.
Alfred Sant permezz ta’ post fuq Facebook qal li x-xahar li għadda Ian Borg ta l-parir biex qabel niġġudikaw il-proġett ta’ flyover tal-Imrieħel niflu sew il-pjan tal-proġett. Huwa qal li wara li ra l-pjan mhu qed jara l-ebda valur fil-proġett tal-flyover, ħlief li jaf ikun hemm gwadann għall-promoturi tat-torrijiet tal-Imrieħel.
Huwa tenna li ma jridx jemmen li dik taf tkun ir-raġuni kollha wara l-proposta tal-flyover li se teqred numru ta’ għelieqi f’Ħal Qormi u l-madwar.
L-eks mexxej Laburista qal li lil dawn ‘it-talin’ wieħed jista’ jgħinhom billi titjieb is-sitwazzjoni fil-mod kif iż-żona industrijali tal-Imrieħel hi organizzata u mmexxija.
Il-proġett tal-flyover ġdida fil-bypass tal-Imrieħel, se jikkawża t-teħid ta’ aktar minn 20 tomna ta’ raba’ maħdum u se jeqred l-attività tal-biedja fiż-żona.
Għal dan il-proġġett infatti kien hemm numru ta’ oġġezzjonijiet, mhux biss mis-sidien ta’ din l-art, iżda wkoll min-numru ta’ NGO’s. Il-Kunsill Lokali ta’ Ħal Qormi wkoll oġġezzjona dan il-proġett u qal li mhux se jaċċetta li tittieħed aktar art.
Il-Kunsill Lokali ta’ Ħal Qormi qal li t-twessigħ tal-bypass fl-Imrieħel u l-bini ta’ flyover jaf ikollhom effetti diżastrużi.
L-MEP Alfred Sant kien primarjament irreaġixxa għall-pjanijiet ta’ Infrastructure Malta u qal li din l-entità trid tkun aktar trasparenti f’ħidmietha.
//= $special ?>