Lokali Qorti

Il-Qorti tordna lill-psikjatri jipprovdu aġġornament dwar il-kundizzjoni ta’ Melvin Theuma

Il-Qorti ordnat lill-psikjatri biex jipprovdu aġġornament dwar il-kundizzjoni ta’ Melvin Theuma. Sadanittant il-maħfra Presidenzjali mogħtija lill-middleman Melvin Theuma ġiet miżjuda mal-provi fil-każ kontra tliet irġiel akkużati li qatlu lill-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Il-maħfra ngħatat lil Theuma f’Novembru 2019 mill-istat biex jgħid il-verità kollha fejn l-avukati għat-tliet akkużati kienu ilhom isostnu biex tkun inkluża bħala fl-evidenza dwar il-każ.

Dan ħareġ meta kompliet il-kumpilazzjoni fil-konfront tat-tliet irġiel, l-aħwa George u Alfred Degiorgio u Vince Muscat, li qegħdin jiċħdu l-akkużi kontrihom ta’ qtil. Melvin Theuma, xufier tat-taxi, isostni li kien irċieva flus mingħand in-negozjan Yorgen Fenech biex jagħtihom lit-tliet allegati hitmen, biex dawn joqtlu lil Caruana Galizia.

Il-ġurnalista kienet ttajret fi splużjoni ta’ karozza bomba f’Ottubru 2017. Minbarra kopja tal-maħfra presidenzjali ta’ Theuma, il-Qorti rċeviet ukoll aktar evidenza fil-forma ta’ tliet settijiet ta’ traskrizzjonijiet ippreżentati minn esperti tal-Qorti. Dettalji dwar il-kontenut tat-traskrizzjonijiet ma ġewx żvelati.

L-avukati argumentaw dwar liema reġistrazzjonijiet ta’ Theuma kellhom jiġu ppreżentati fil-każ, bl-avukati tad-difiża jgħidu li ma kinux komdi bil-Prosekuzzjoni tiddeċiedi liema reġistrazzjonijiet kienu rilevanti għall-każ u liema le.

Huma insistew li kellhom id-dritt li jisimgħu r-reġistrazzjonijiet kollha ta’ Theuma. Il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit li quddiemha qed jinstema’ l-każ qalet li se tiddeċiedi dwar din it-talba aktar tard.

L-avukati tad-difiża huma wkoll ħerqana li jagħmlu l-kontro-eżami lil Theuma iżda ma setgħux jagħmlu dan fix-xhur li għaddew, bl-intermedjarju ma jkunx disponibbli hekk kif irċieva kura medika u psikjatrika.

Theuma ilu ma jidher fil-pubbliku għal aktar minn sitt xhur, wara li ġie rikoverat l-isptar b’feriti li kkawża lilu nnifsu fis-sajf li għadda. Il-Maġistrat Stafrace Zammit qalet li riedet tisma’ lill-psikjatri li qed jieħdu ħsieb Theuma, u stabbiliet data tal-21 ta’ Jannar biex it-tim mediku jidher fil-Qorti u jipprovdilha aġġornament dwar il-kundizzjoni tal-middleman.

L-Avukat William Cuschieri qed jirrappreżenta lill-aħwa Degiorgio, bl-avukat Marc Sant jidher għal Muscat. Is-Supretendent Keith Arnaud u l-Ispettur Kurt Zahra qed imexxu l-Prosekuzzjoni. L-avukati Jason Azzopardi u Peter Caruana Galizia, ir-raġel tal-vittma, qed jidhru f’isem il-familja Caruana Galizia.

L-ewwel xhud fil-każ kienet l-espert tal-Qorti Yanika Zammit Tabona, li hija avukat u li ttraskriviet numru ta’ reġistrazzjonijiet. Is-Supretendent Arnaud imbagħad ippreżenta kopja tal-maħfra mogħtija lil Melvin Theuma f’Novembru 2019. Dik hija prova oħra ġdida li issa hija parti mir-rekords tal-Qorti.

L-Avukat William Cuschieri staqsa lil Arnaud dwar il-pożizzjoni llum ta’ Melvin Theuma, bis-Supretendent jgħid li Theuma għadu qed jiġi ttrattat u evalwat mill-psikjatri.

Il-Maġistrat Stafrace Zammit qalet li hija marbuta b’limitu ta’ żmien, u d-Deputat Avukat Ġenerali Philip Galea Farrugia jgħid li Theuma kellu jsirlu l-kontro-eżami fl-ewwel ġimgħa ta’ Jannar.

Il-Maġistrat qalet li hi tixtieq li l-psikjatri li qegħdin jissorveljaw il-kura ta’ Theuma biex jinfurmaw lill-Qorti dwar l-istat ta’ saħħa tiegħu. Qalet li trid aġġornament mediku dwar il-kundizzjoni ta’ Theuma u tistabbilixxi data tal-21 ta’ Jannar fis-2pm għall-psikjatri biex jixhdu dwaru

Sadanittant, espert ieħor tal-Qorti kien imsejjaħ u jippreżenta pen drive li fih sett ieħor ta’ traskrizzjonijiet. L-Avukat William Cuschieri qal li jrid jiżgura li jitħallew jisimgħu r-reġistrazzjonijiet kollha ta’ Theuma.

“Il-klijenti tiegħi għandhom id-dritt li jisimgħuhom, kif instemgħu x’imkien ieħor. Kien hemm referenza għalihom ukoll fl-istampa.” “Jien nibbaża ruħi fuq dak li għandi hawn, mhux fuq dak li ntqal fl-istampa,” wieġbet il-Maġistrat.

Hawn bdew deħlin il-legaliżmi, bl-avukati jargumentaw dwar liema reġistrazzjonijiet għandhom jitqiesu pertinenti tal-każ. Is-Supretendent Arnaud qal lill-qorti li hemm reġistrazzjonijiet li mhumiex pertinenti għal dan il-każ u li preżumibbilment jagħmlu referenza għal reati separati oħra.

Cuschieri jgħid li donnha l-Prosekuzzjoni se tkun l-Imħallef tal-każ. “Mhux li m’għandniex fiduċja fil-Prosekutur, iżda biex niddeċiedu dwar ir-rilevanza tagħhom, dawk ir-reġistrazzjonijiet iridu jiġu ppreżentati biex nisimgħuhom,” kompla jgħid.

Il-Maġistrat qalet li hija marbuta bit-termini tad-digriet maħruġ mill-Qorti kKriminali fejn l-Imħallef Edwina Grima kienet elenkat l-evidenza li għandha tinġabar fil-kumpilazzjoni.

William Cuschieri baqa’ jinsisti li reġistrazzjonijiet kollha ta’ Theuma għandhom ikunu disponibbli għalihom, u r-rilevanza tagħhom għal dan il-każ tista’ tiġi deċiża biss ladarba jkun ġara.

M’għandhiex tkun il-Prosekuzzjoni li tiddeċiedi x’inhu rilevanti jew le għad-difiża tal-akkużat, huwa saħat. Il-kollega tiegħu Marc Sant li qed jidher għal Vince Muscat qabel ma’ dan kollu.

Id-Deputat AĠ Galea Farrugia qal li jekk il-Qorti tilqa’ din it-talba millavukati difensuri, ir-reġistrazzjonijiet inkwistjoni jkollhom jinġiebu f’din il-qorti mill-proċeduri l-oħra, dawk li jikkonċernaw lil Yorgen Fenech u jkun meħtieġ li jinħatar espert tal-Qorti.

Is-Supretendent Arnaud qal li huma jippreżentaw biss dak li huwa rilevanti.”Dan ma jfissirx li ma nippreżentawx evidenza li hija favur l-akkużat”, kompla jgħid.

Il-Maġistrat Stafrace Zammit staqiet jekk m’hemm xejn favur jew kontra l-akkużat f’dawn ir-reġistrazzjonijiet partikolari. Arnaud wieġeb fl-affermattiv u twenna li tagħżel kollox wieħed jispiċċa b’madwar 10 reġistrazzjonijiet b’kollox.

Kopja tal-maħfra ta’ Melvin Theuma ġiet ippreżentata bħala evidenza fil-każ. flimkien ma’ diversi traskrizzjonijiet. B’Theuma għadu qed jirkupra u l-avukati ma jaqblux dwar liema reġistrazzjonijiet għandhom jitqiesu rilevanti, l-Qorti ħalliet il-każ għall-21 ta’ Jannar, meta hija mistennija tisma’ tliet psikjatri li kienu qed jissorveljaw l-irkupru ta’ Theuma.