Futbol Sport

Inter u Juventus jitħabtu biex jikkwalifikaw

(Ritratt: EPA)

Fi Stadio Artemio Franchi, Inter tħabtu kiex kwalifikaw għall-kwartifinali fejn issa se jaffaċjaw lil Milan wara li għelbu lil Fiorentina 2-1 fil-ħin barrani. Inter marru fil-vantaġġ ħames minuti qabel tmiem l-ewwel taqsima permezz ta’ penalty skorjat minn ARTURO VIDAL. Fiorentina ħarġu aħjar fit-tieni taqsima u ġabu d-draw permezz ta’ xutt b’saħħtu ta’ CHRISTIAN KOUAME. Sad-90 minuta l-iskor baqa’ dak ta’ 1-1 bil-partita tmur għal ħin barrani. Bil-partita tidher destinata li se tmur għall-għoti tal-penalties, kien ROMELU LUKAKU li b’daqqa ta’ ras tajba fuq cross ta’ Barella aċċerta minn kwalifikazzjoni għal Inter.

Juventus ukoll kwalifikaw għar-rawnd li jmiss meta għelbu lil Genoa 3-2 wara l-ħin barrani. Juventus fetħu tajjeb u marru fil-vantaġġ kmieni fil-partita meta minn pass preċiż ta’ Chiellini, kien DEJAN KULUSEVSKI li kkonkluda għal wara Paleari. Juventus irduppjaw fit-23 minuta meta ALVARO MORATA avvanza fil-kaxxa qabel ma kkonkluda fil-baxx. Genoa daħlu fil-partita ħames minuti wara meta LENNART CZYBORRA kkonkluda fuq cross ta’ Goldaniga. Wara li Pjaca laqat il-lasta, Genoa ġabu l-iskor indaqs fis-76 minuta b’gowl mill-isbaħ ta’ FILIPPO MELEGONI, bil-partita tmur fil-ħin barrani. Il-gowl deċiżiv ta’ Juventus kien skorjat fil-104 minuta permezz taż-żgħażugħ HAMZA RAFIA.

Napoli wkoll kellhom jitħabtu biex jikkwalifikaw għall-kwartifinali hekk kif għelbu lit-tim tas-Serie B, Empoli 3-2. GIOVANNI DI LORENZO fetaħ l-iskor għal Napoli wara 18-il minuta. NEDIM BAJRAMI ġab id-draw għal Empoli fit-33 minuta, biex ħames minuti wara kien HRIVING LOZANO li tefa’ lil Napoli fil-vantaġġ qabel il-mistrieħ. Empoli reġgħu ġabu d-draw fit-68 minuta permezz ta’ BAJRAMI li skorja t-tieni gowl personali. ANDREA PETAGNA fis-77 minuta skorja dak li kellu jkun il-gowl ta’ kwalifikazzjoni għal Napoli.