Lokali

“Kellna tsunami ta’ solidarjetà” – MAM

It-tobba ddeskrivew bħala tsunami ta’ solidarjetà dak li ntwera’ lilhom minn numru kbir ta’ entitatjiet, wara l-kontroversja marbuta mat-transfer mogħti lit-tabib tas-saħħa pubblika Kenneth Grech fl-aħħar jiem.

Wara pressjoni minn naħa tal-Assoċjazzjoni tat-Tobba, issa l-Gvern laqa’ t-tabliet tagħhom u wara laqgħa aktar kmieni llum, il-President tal-MAM Martin Balzan iddeskriva l-eżitu d-diskussjonijiet mad-Deputat Prim Ministru Chris Fearne bħala ‘sodisfaċenti’.

Mingħajr ma ta dettalji dwar il-ftehim li ntlaħaq, Balzan sostna li l-protesti li kellha ppjanati l-Assoċjazzjoni ma ġewx imħassra imma sospiżi, filwaqt li saħaq li t-tobba se jkunu qed isegwu bir-reqqa dak li se jkun qed jagħmel il-Gvern u f’każ li l-Gvern ma jżommx ma’ dak li wiegħed, tittieħed l-azzjoni meħtieġa.

Intant il-Gvern baqa’ jsostni li t-transfer ta’ Kenneth Grech saret biss għax jemmen bis-sħiħ fl-abbiltajiet ta’ dan it-tabib.

It-transfer ta’ Grech wasal jiem wara li l-MUT żvelat li l-Gvern kien ingħata parir biex ma jiftaħx l-iskejjel mal-ewwel wara l-festi. Parir li ngħata mill-istess Grech.

Ikkummenta