Lokali Saħħa

STEWARD HEALTHCARE: Deal għall-Isptar t’Għawdex minn wara dahar in-nies

Il-Gvern Laburista mill-ġdid qed jagħżel li jaħbi deal li qed jinħema dwar l-isptarijiet. Dan filwaqt li d-deal tal-bejgħ tal-isptarijiet lil Vitals u Steward sar minn wara dahar kulħadd. Issa jidher li hemm deal ieħor li qed jerġa’ jinżamm mistur u li mill-ġdid jirrigwarda l-Isptar Ġenerali t’Għawdex.

Filwaqt li din l-aħbar kienet żvelata mill-ġurnal il-Mument tal-Ħadd li għadda, mill-Gvern baqgħet ma waslet ebda ċaħda. Wara s-skiet tal-Gvern, it-Tlieta filgħodu l-Prim Ministru Robert Abela kkonferma dan kollu, madankollu meta mistoqsi għad-dettalji dwar il-futur tal-Isptar f’Għawdex, Abela reġa’ għażel li jaħbi d-dettalji.

Fl-aħħar jiem, il-Mument żvela manuvri li għaddejjin minn wara dahar il-poplu, manuvri bejn il-Prim Ministru u Steward Healthcare, hekk kif dawn tal-aħħar jidher li lesti jfarfru mir-responsabbiltà tal-Isptar Ġenerali t’Għawdex.

Sorsi ndikaw li dawn in-negozjati jinsabu fi stadju avvanzat sabiex l-Isptar Ġenerali t’Għawdex jirritorna lura f’idejn l-istat. Madanakollu jidher li l-Isptar San Luqa u l-Isptar Karin Grech ser jibqgħu f’idejn Steward Healthcare.

Il-Partit Nazzjonalista  ilu s-snin jiġġieled il-ġlieda biex il-poplu Malti jerġa jieħu f’idejh it-tliet sptarijiet li kienu ngħataw lil Vitals tant li propju dwar dan ghad hemm ukoll proceduri fil-Qorti li kienu infethu mill-eks Kap tal-PN Adrian Delia.

Dan l-aħħar żvilupp ifisser li minkejja li l-Awditur Ġenerali stqarr b’mod car li t-tender li ngħata lil Vitals Global Healthcare kellu jiġi skwalifikat – dawn l-isptarijiet jew talanqas tnejn minnhon, ser jibqgħu f’idejn il-barrani għad-detriment tal-poplu Malti minkejja s-sħaba ta’ korruzzjoni fuq dan il-ftehim.

Vitals kienu biegħu l-isptarijiet lil Steward Healthcare u issa, Robert Abela, jidher li huwa lest izomm dan id-deal kwazi b’mod shih, bl-isptarjietj tagħna jibqgħu f’idejn il-barranin.

Ħafna għadhom qed jistaqsu, ‘x’se jsir mill-miljuni ta’ ewro misruqa mill-poplu sabiex Steward Healthcare ħadu f’idejhom l-isptar Għawdxi? Dan filwaqt l-Isptar San Luqa u l-Isptar Karin Grech tħallew f’telqa liema bħala minkejja l-flus kollha li ħerġin mit-taxxi tal-Maltin.