Mara li kienet fuq karozza tal-linja fl-2012 li baqgħet dieħla f’Bieb il-Bombi ingħatat kumpens ta’ €17,866.50 mill-Qorti wara li sofriet minn diżabilità permanenti.
Kien l-24 ta’ Ottubru għall-ħabta tat-3.00pm, meta Anna Attard li dak iż-żmien kellha 52 sena, kienet passiġġiera fuq xarabank li kienet fuq ir-rotta mill-Belt fid-direzzjoni lejn Ħaż-Żebbuġ.
Ix-xarabank kienet skidjat bir-riżultat li ħabtet mal-monument ta’ Portes de Bombes il-Furjana bil-konsegwenza li ġew ikkaġunati feriti ta’ natura permanenti lil mara.
L-inċident tat-traffiku kien jinvolvi tliet karozzi tal-linja, u li waħda minnhom, dik li fuqha kienet Attard . ġarrbet ħsarat estensivi fil-ġenb tagħha.
Anna Attard kienet bdiet proċeduri fil-Prim Awla tal-Qorti Ċivili kontra il-Malta Public Transport Services (Operations Limited), Mapfre Middlesea p.l.c. f’isem Middlesea Insurance p.l.c. u Allcare Insurance Agency.
Il-Qorti preseduta mill-Imħallef Francesco Depasquale qalet li jirriżulta, mill-provi li Anna Attard, Senior Care Worker fi ħdan id-Dipartiment tal-Edukazzjoni, kienet passiġġiera fuq xarabank, li ħabtet fl-istruttura magħrufa bħala Porte de Bombes fejn kienu weġġgħu mill-anqas 15, li kienu fuq tal-linja dak il-ħin.
Jirriżulta li riżultat tal-inċident, hija taret ġewwa x-xarabank stess u ntilfet minn sensiha u sofriet feriti f’idejha x-xellugija, saqajha t-tnejn u f’wiċċha. Jirriżulta li Mapfre Middlesea plc, kellha ir-responsabbilta’ ta’ dak li ġara, xi ħaġa li hija stess ammettiet, peress li kienet l-assikuratriċi tax-xarabank.
Attard kienet ippreżentat riċevuti dwar spejjeż li sofriet minħabba l-inċident. Il-kontestazzjoni prinċipali bejn il-partijiet kienet tirrigwarda l-ammont li kellu jiġi likwidat bħala ntrojtu.
Skont ċifri li ppreżentat Attard, għas-sena 2009, dan kien ta’ €15,819.44, għas-sena 2010, ma kien hemm ebda dokumentazzjoni li ġiet ippreżentata. għas-sena 2011, €16,506.49 u għas-sena 2012, is-somma ta’ €16,918.46.
L-inċident seħħ fl-24 ta’ Ottubru 2012, u għalhekk il-Qorti qalet li jgħodd biss l-introjtu fis-sena 2012. Il-kumpanija Mapfre Middlesea plc qalet li minn tali introjtu, Attard kellha tnaqqas kemm it-Taxxa mħallsa kif ukoll il-Ħlas tas-Sigurita’ Soċjali.
Il-Qorti qablet u qalet li l-introjtu fis-sena 2012 li għandu jkun ta’ €13,746,31, wara t-tnaqqis ta’ €1,505 Taxxa u €1,667.15 tal-bolla. Madankollu tali paga trid tiġi aġġustata biex tagħmel tajjeb għar-rata ta’ inflazzjoni, u skont il-liġi Maltija, għandhom jitqiesu l-medja ta’ l-aħħar ħames snin.
Il-paga qalet il-Qorti għal kalkoli finali, hija dik tas-sena 2012, dik ta’ €13,746.31 wara li tnaqqset it-taxxa mħallsa. Jirriżulta illi r-rata tal-inflazzjoni ta’ 1.18%. u l-multiplier huwa ta’ 13-il sena, l-valur komplessiv tar-rata tal-inflazzjoni ta’ 1.18% fuq id-dħul nett ta’ €13,746.31 għal 13-il sena għandu jkun ta’ €2,108.66.
Jirriżulta, li li l-bażi tal-paga illi se tintuża għal fini ta’ komputazzjoni finali għandha tkun ta’ €14,800.64. Il-mara kkontendiet li sofriet diżabbilta kemm ta’ natura ortopedika, kif ukoll sfreġju f’wiċċha u danni oftalmoġiċi f’għajnejha riżultat tal-isfreġju.
L-ebda mill-partijiet ma kkontestaw tali konklużjonijiet u l-Qorti applikat, bħala rata ta’ diżabbilta, dik ta’ 10 fil-mija. Il-Qorti osservat illi, fil-liġi Maltija, ddaħħlet ukoll prassi illi, wara tliet snin, minn tali persentaġġ jibda jitnaqqas perċentwali ta’ tnejn fil-mija sabiex jiġi penalizzat id-dewmien tal-proċeduri.
Il-Qorti qalet li r-rata ta’ diżabbilta’ hija ta’ 10% u l-mkultipier huwa ta’ 13%, il-bażi tal-paga hija ta’ €14,800.64. Il-kalkolu għal interessi fuq id-danni għandu jkun ta’ €14,800.64 x 10% x 13 li minnu jitnaqqas 14%, bit-total ikun ta’ €16,547.12.
Magħdud ma’ tali somma, għandhom jiżiedu l-ammont ta’ €1,319.39 stabbiliti bħala telfien ta’ profitt. Għalhekk, d-danni totali illi għandhom jiġu likwidati a favur Attard jammontaw komplessivament għal €17,866.50.
Sadanittant l-ispiża biex tissewwa l-ħsara li saret fuq Bieb il-Bombi kienet laħħqet l-€4,600. Ħdejn Bieb il-Bombi kienu waslu madwar ħames ambulanzi biex jieħdu l-feruti l-isptar. B’kollox kienu ttieħdu l-isptar sitt passiġieri bl-ambulanzi u disa’ persuni oħra ttieħdu l-isptar b’karozza tal-linja, peress li l-ambulanzi ma servewx.
Kawża ta’ dan l-inċident kienu nqalgħu wkoll xi ġebel minn ma’ Bieb il-Bombi. Uħud minn dan il-ġebel ġie mibdul filwaqt li oħrajn reġgħu tqiegħdu f’posthom.
Fl-istess inċident xarabank oħra kienet daħlet f’central strip u waqqgħat arblu tad-dawl. Fil-ħin li sar l-inċident it-triq kienet imxarrba hekk kif ftit qabel kienet għadha kemm niżlet ftit xita.
//= $special ?>