Lokali

L-MUBE titlob li l-ħaddiema tal-banek ikunu mlaqqma minn tal-ewwel

Il-union tal-impjegati tal-banek, l-MUBE qed tisħaq li bħala ħaddiema li qedgħdin joffru dak li l-Istat iddeskriva bħala servizz kritiku, l-impjegati tal-banek għandhom jitqiesu bħala frontliners u jitlaqqmu minn tal-ewwel.

Il-union qed titlob li ħaddiema tagħha li jaħdmu f’banek, uffiċini tal-insurance u tas-servizzi finanzjarji u li jaħdmu wiċċimbwiċċ ma’ klijenti ikunu mlaqqma sabiex tkun ikkontrollata l-imxija u sabiex tikber ukoll il-fiduċja fl-ambjent tax-xogħol.

L-MUBE esprimiet solidarjetà mat-tobba, infermiera u ħaddiema tas-saħħa għax-xogħol imprezzabbli li qed jagħmlu sabiex jikkontrollaw is-sitwazzjoni prekarja ta’ bħalissa, filwaqt li saħqet li jibqa’ importanti li kull ċittadin ikun kawt minkejja l-vaċċin.

Il-union appellat lill-Gvern biex iżid l-infurzar u qalet li mhemmx lok għal laxkezza jekk verament irridu nrażżnu l-imxija.

L-MUBE qed tinsisti wkoll li jsiru arranġament għal teleworking fejn hu possibbli filwaqt li qalet li vvjaġġar bla bżonn għandu jkun evitat fl-isfond tal-pandemija.