Futbol Sport

Marsa jaċċertaw mill-ewwel post fi tmiem l-ewwel rawnd

Chris Cassar

St. Andrew’s ……………………… 1

Marsa ……………………………….. 4

St. Andrew’s: N. Grima, M. Muscat, M. D’Alessandro, N. Bradshaw, Z. Muscat, M. Vella Vidal, R. Micallef, W. Camilleri, L.A. Borg, K. Jackson, K. Bituemi

Marsa: N. Vella, P. Chircop, J. Bondin, I. Zammit, A. Monticelli, M. Micallef, J. De Lima, C. Gatt Baldacchino, D. Grima, L. Grech, P. De Azevedo

Referee: Matthew Degabriele

Marsa aċċertaw li se jispiċċaw fl-ewwel post fi tmiem l-ewwel rawnd meta fit-tkomplija tal-logħba kontra St. Andrew’s huma ħarġu rebbieħa 4-1. Il-logħba oriġinarjament bdiet tintlagħab fit-28 ta’ Novembru u sat-62 minuta Marsa kienu fil-vantaġġ 2-0, b’gowls ta’ Lydon Micallef fid-19-il minuta u Dylan Grima fit-32 minuta.

Il-logħba kienet waqfet ħesrem fit-62 minuta meta Marsa kienu se jagħtu penalty, penalty li kien prattikament jagħlaq il-logħba. Iżda kien propju dak il-ħin li madwar Malta kien inqata’ d-dawl u għalhekk  il-logħba kellha tkompli propju mit-62 minuta u bl-għoti tal-penalty.Mill-11-il metru kien Jackson Lima li spara fir-rokna ta’ fuq tax-xibka biex ta vantaġġ ta’ tliet gowls lil Marsa u l-logħba kienet prattikament mirbuħa u mitlufa.

Ftit wara Marsa viċin ir-raba’ gowl bil-goalkeeper ta’ St. Andrew’s jimblokka x-xutt mil-viċin ta’ Coelho Confettura li kien daħal bħala sostitut.  Fit-72 minuta f’azzjoni ta’ kontrattakk St. Andrew’s naqqsu l-iskor permezz ta’ Malcolm Vella Vidal li avanza waħdu u għeleb lil Vella.Iżda t-tamiet tas-Saints li jwettqu xi rimonta waqfu ħesrem tliet minuti wara meta kien hemm penalty ieħor favur Marsa meta De Azevedo twaqqa’ fil-kaxxa mill-goalkeeper tas-Saints Grima, u din id-darba kien Ian Zammit li skorja l-penalty b’xutt b’saħħtu.