Basketball Sport

Rimonta stupena minn ARMS Depiro

minn Colin Schembri

Hibernians 52

Starlites GIG 66

(14-20)(12-13)(6-25)(20-8)

Startlites GIG kmplew bir-rebħ meta għelbu lil Hibernians 66-52 biex għamlu d-double fuq il-Pawlisti li b’hekk baqgħu b’rebħa waħda fil-kampjonat. Kien biss fl-aħħar sessjoni li Hibs naqqsu d-distakk biex għamlu l-iskor aktar rispettabli hekk kif Starlites wettqu diversi turnovers għar-rabja tal-coach Spanjol David Baudot. Il-partita fetħet bit-trippla ta’ Naomi Farrugia għal Hibernians però Starlites malajr irrispondew b’run qawwija ta’ 18-2. Huma kellhom fost l-oħrajn il-punti ta’ Steffi De Martino, Josephine Diaby, Maria Bonett u Michela Zammit Cordina. Hibs waqqfuhom permezz ta’ baskets minn Kirsty Caruana u Iona Agius u qabel intemmet is-sessjoni kellhom trippla minn Jasmine Abela għal skor ta’ 14-20. Fit-tieni taqsima, reġgħu kienu Starlites li fetħu tajjeb b’run ta’ 9-2 li għalquha bi trippla ta’ Zammit Cordina. Wara punti ta’ Sam Brincat għal Hibs, kien hemm il-baskets ta’ Anthea Micallef u Zammit Cordina għal Starlites però kienu Hibs li temmew is-sessjoni bi 8 punti mingħajr risposta li waslu minn Abela, Agius u Caruana għal skor ta’ 26-33.

Wara l-intervall, kien hemm basket fuq kull naħa qabel ma Starlites reġgħu għamlu break ieħor b’saħħtu ta’ 19-2 bil-punti ta’ De Martino, Bonett u Patricia Arguello fost l-oħrajn. Hibs kellhom basket ieħor minn Ylenia Bonett bi Starlites jagħmlu l-aħħar punti tat-taqsima li temmewha minn fuq 58-32. Fl-aħħar sessjoni Hibs urew l-aħjar logħob fejn irexxielhom ukoll jagħmlu run ta’ 11-0 fosthom trippla ta’ Brincat flimkien mal-punti ta’ Bonett u Caruana. Starlites però kellhom vantaġġ komdu li setgħu jikkontrollaw sat-tmiem u joħorġu rebbieħa 66-52.

Hibernians: J. Dabic, I. Agius 4, Y. Bonett 15, Z. Camilleri, S. Brincat 7, B. Agius, J. Abela 7, Ch. Camilleri, N. Farrugia 3, K. Caruana 14, M. Buhagiar, C. Camilleri 2.

Starlites Gig: M. Zammit Cordina 9, C. Cilia 2, A. Micallef 2, S. Farrugia, M. Bonett 6, S. De Martino 25, C. Curmi, J. Diaby 6, P. Arguello 5, K. Pirotta 3, S. Davies 8.

Referees: Gordon Barbara, Luke Camilleri, Ivica Simic

ARMS Depiro 77

Caffè Moak Luxol 74

(16-14)(11-20)(12-22)(29-12)(9-6)

Depiro wettqu rimonta stupenda fl-aħħar taqsima li rathom jiġu lura minn distakk ta’ 20 punt fl-aħħar taqsima u jerbħu l-partita kontra Caffè Moak Luxol 77-74 wara l-ħin barrani. Fl-aħħar sessjoni Luxol dehru wisq erratiċi u ma sabux tarf tad-difiża ta’ Depiro li bdew jisirqu diversi blalen minkejja n-nuqqas tal-Amerikana Hannah Johnson u l-inury ta’ Monique Caruana fl-ewwel sessjoni. Però għal dan pattiet iż-żagħżugħa ta’ 15 -il sena Danika Galea li kellha wirja mill-aqwa fosthom bi 11 -il rebound, 4 blocks u 17 -il punt u kienet strumentali għar-rebħa. Luxol kellhom nieqsa lil Sharon Vella u tilfu lil Cristina Sollami bil-ħames foul fir-raba’ taqsima però xorta setgħu jikkontrollaw il-vantaġġ li kellhom. Depiro għamlu l-ewwel sitt punti tal-partita minn Claire Ciantar u Julia Xerri qabel ma Luxol wieġbu bi trippla ta’ Nicole Vella. Ciantar kompliet bil-punti tagħha b’azzjonijiet tajba ma’ Leanne Duncan biex ħalliet lil Depiro fuq quddiem minkejja li Luxol kellhom trippla oħra mill-Amerikana Kali Koenig għal skor ta’ 16-14. Fit-tieni perjodu, Xerri fetħet bit-trippla għal Depiro però hawn Luxol għamlu run ta’ 9-0 bil-punti ta’ Vella u trippla ta’ Sollami biex marru fuq quddiem 25-20. Nicole Agius naqqset id-distakk għal Depiro bi trippla oħra però aktar punti minn Sollami flimkien ma’ Vella u Andrea Mifsud ħallew lil Luxol fuq quddiem sal-mistrieħ 34-27.

Fit-tielet taqsima, Luxol dehru fil-kontroll tal-partita hekk kif għamlu run ta’ 15-1 fosthom żewġ trippli ta’ Koenig flimkien ma’ Paula Ellul u marru 20 punt minn fuq 50-30. Hawn beda jberraq għat-team ta’ Claudio Massari hekk kif Depiro rkupraw b’disa’ punti mingħajr risposta minn Neve Borg, Agius u Galea. Madankollhu sa’ tmiem is-sessjoni sitt punti konsekuttivi ta’ Antoinette Borg raw lil Luxol jerġgħu jiftħu vantaġġ ta’ 17-il punt 56-39. Il-vantaġġ reġa’ kiber għal 20 punt fil-ftuħ tal-aħħar sessjoni wara trippla ta’ Koenig però run ta’ 8-2 uriet li Depiro ma kienux se jċedu faċilment. Fil-fatt, l-għawġ tal-vjola kiber għaliex wara li Koenig poġġiethom 15 minn fuq, 66-51, huma kellhom isofru 15 -il punt mingħajr risposta minn Depiro fosthom trippla ta’ Agius u l-punti ta’ Galea għal parita ta’ 66-66. Kien għad fadal ħin għal basket fuq kull naħa biex il-partita kellha tmur għall-ħin barrani fuq skor ta’ 68-68. Hawn Depiro dehru ħafna iżjed motivati u fetħu b’żewġ trippli minn Agius u Duncan u żammew lil Luxol ‘l bogħod biex għalqu l-partita bl-aħħar basket ta’ Galea u ħarġu rebbieħa 77-74.

ARMS Depiro: No. Agius, M. Caruana, Ni. Agius 16, J. Mallia, L. Duncan 5, C. Ciantar 19, J. Xerri 12, N. Hili 2, D. Galea 17, N. Borg 6, E. Cassar.

Luxol: A. Mifsud 3, P. Ellul 7, N. Vella 21, M. Pollaco, L. Caruana Montaldo, H. Galea, K. Portelli, A. Borg 8, J. Schembri , M. Grech 2, C. Sollami 7, K. Koenig 26.

Referees: Bernard Vassallo, Daniela Torok, Matthew Scerri

Kampjonat Bank of Valletta Irġiel

Mellieħa Libertas Spalding 72

Depiro 81

(18-22)(10-22)(28-19)(16-18)

Depiro rritornaw għal-logħob wara waqfa pjuttost twila u rnexxielhom ukoll jirritornaw għar-rebħ wara li għelbu lil Mellieħa 81-72. Iż-żewġ timijiet kellhom xi tibdil wara s-suq tat-trasferimenti fejn Mellieħa rreġistraw lil David Camilleri fil-waqt lil Depiro ffirmaw lil Kieron Caruana m’għand Hibernians u bidlu wkoll wieħed miż-żewġ barranin tagħhom fejn issa irreġistraw lill-Amerikan TJ Atwood. Għal din il-partita, Depiro kienu mingħajr Kurt Xuereb u Adam Chomo u l-coach James Bamfield. Il-partita kellha bidu bilanċjat fejn Mellieħa kellhom il-punti ta’ Vukassin Jandric fil-waqt li Depiro wieġbu bi trippli ta’ Miguel Brincat u Miguel Mallia flimkien mal-punti ta’ Atwood għal skor ta’ 11-11. Atwood u Cliff Thomas poġġew lil Depiro fuq quddiem u minkejja li Mellieħa kellhom trippla minn Isaac Bonett, Depiro temmew l-ewwel taqsima 22-18 minn fuq. Fit-tieni perjodu reġa’ kien hemm baskets fuq kull naħa biex Depiro żammew il-vantaġġ ta’ sitt punti 28-22. Hawn waslu diversi punti minn Atwood f’run ta’ 16-1 minn Depiro u għalkemm Mellieħa għamlu l-aħħar żewġ baskets tat-taqsima, fl-intervall Depiro kienu 44-28 minn fuq.

Fit-tielet sessjoni, Bonett fetaħ bi trippla oħra għal Mellieħa flimkien ma’ Janric u l-Amerikan Julius Brooks. Għal Depiro l-koppja Amerikana Atwood u Thomas komplew jiksbu l-punti fil-waqt li Nicholas Grech kellhu trippla għal skor ta’ 61-47. Sa’ tmiem is-sessjoni Mellieħa kisbu seba’ punti fosthom trippla ta’ Camilleri u basket ta’ Bonett għal skor ta’ 56-63. Fl-aħħar sessjoni Mellieħa komplew inaqqsu d-distakk meta bdew bi three pointer ieħor ta’ Camilleri u basket ta’ Jandric. Depiro kellhom risposta minn Thomas u trippla ta’ Andy Attard u hawn Mellieħa tilfu lil Brooks b’injury. Però huma ma ċedewx u għamlu run ta’ 9-0 fosthom trippla ta’ Mirco Azzopardi u punti ta’ Jandric u għamlu  l-iskor indaqs 70-70. Depiro rkupraw minn dan il-mument diffiċli u kienu huma li għamlu disa punti mingħajr risposta fosthom trippla ta’ Brincat u rnexxielhom jikkontrollaw l-aħħar sforzi ta’ Mellieħa biex rebħu l-partita 81-72.

Mellieħa: A. Schembri, M. Falzon 4, V. Jandric 20, D. Camilleri 8, M. Fabri, I. Bonett 12, C. Briffa, M.Gauchi Montalto, K. Skrabec, J. Brooks 16, M. Azzopardi 12.

Depiro: T.J. Atwood 34, C. Thomas 24, D. Pisani, A. Attard 3, N. Grech 5, D. Farrugia 3, K. Caruana 1, M. Brincat 6, M. Mallia 5

Referees: Bernard Vassallo, Zvezdan Dobrosaviljevic, Luke Camilleri

Bupa Luxol 78

Gżira Athleta 72

(18-14)(16-14)(19-19)(25-25)

Bupa Luxol għelbu lil Gżira Athleta 78-72 wara partita kumbattuta u nċerta sal-aħħar ħinijiet. Luxol kellhon nieqsa lil Juan Cefai u Slavko Opojevlic fil-waqt li Athleta kienu mingħajr Francesco Mifsud Bonnici u l-Amerikan Dedrain Parmer minkejja li kien preżenti ma ħax sehem fil-partita. Luxol fetħu bil-punti tal-Amerikani Arsenio Arrington u Kyree Elder u sar-raba’ minuta kienu 6-4 minn fuq. Athleta wieġbu bi trippli ta’ Matthew Gouder u Sean Galea biex marru fuq quddiem iżda tlett baskets mingħajr risposta reġgħu poġġew lil Luxol minn fuq. Wara punti minn Gouder u Nathan Xuereb, Athleta għamlu l-iskor indaqs però qabel intemmet it-taqsima Arrington għamel 4 punti oħra biex ħalla lil Luxol minn fuq 18-14. Fl-ewwel minuti tat-tieni perjodu, Luxol kabbru l-vantaġġ permezz ta’ Elder għalkemm Athleta rrispondew bl-ewwel basket ta’ Dylan Causwell flimkien ma’ Xuereb. Luxol kellhom trippla ta’ Naz Buhagair segwita minn aktar punti ta’ Elder u Stefan Cappello u daħlu jistrieħu 34-28 minn fuq.

Wara l-intervall il-vantaġġ tal-vjola kiber għal 10 punti hekk kif huma għamlu run qasira ta’ 8-2. Athleta tħabtu biex jirkupraw id-distakk hekk kif Causwell kiseb tlett baskets wara xulxin flimkien ma’ trippla minn Luca Stefanovic. Luxol ukoll wieġbu bi three pointer minn Jean Paul Schembri, l-istess kif għamel Causwell biex it-taqsima għalqet bil-Luxol fuq quddiem 53-47. Athleta kellhom l-aħjar bidu tar-raba’ taqsima hekk kif fetħu b’run ta’ 13-2 bi trippla oħra ta’ Stefanovic u l-punti ta’ Causwell u marru 5 minn fuq 60-55. Issa kienu Luxol li riedu jiġru wara r-riżultat u għamlu dan bil-punti ta’ Schembri u Elder. Causwell reġa’ wieġeb għall-Athleta però hawn waslet run deċisiva ta’ Luxol ta’ 10-0 li fit-tmien minuta poġġiethom erbgħa minn fuq 67-63. Athleta ppruvaw jirkupraw bit-trippli ta’ Causwell iżda Luxol ukoll kellhom il-punti minn Buhagair bi trippla flimkien ma’ Cappello u Arrington biex finalment ħadu r-rebħa fuq skor ta’ 78-72.

Bupa Luxol: K. Gauchi, N. Buhagiar 8, E. Caruana Montaldo, JP Schembri 9, L. Trapani, I. Pace 4, K. Elder 28, P. Engelbert, A. Arrington 21, S. Cappello 8.

Gżira Athleta: D. Parmer, P. Cefai, L. Stefanovic 8, S. Galea 3, N. Xuereb 19, M. Gouder 10, I. Xuereb, S. Vincic, D. Causwell 32, N. Bukva.

Referees: Bernard Vassallo, Gordon Barbara, Daniela Torok.