Lokali

Sena ġdida u rwoli ġodda fi ħdan ‘The Concept Stadium’

Id-dedikazzjoni u l-ħidma ppremjati

The Concept Stadium tħossha kburija meta tara lill-membri tat-tim tagħha jikbru mhux biss fil-ħiliet tagħhom, iżda wkoll fl-irwol tagħhom fil-kumpanija. Dan hekk kif l-aġenzija lokali tal-branding, marketing u konsulenza għadha kemm tat promossjonijiet ġodda lil Audrey Abela u Claude Mifsud.

Audrey Abela bdiet taħdem ma’ The Concept Stadium fl-2018 u issa se tkun qed tieħu f’idejha l-irwol ta’ Head of Digital & Social. Permezz tal-irwol il-ġdid tagħha, Audrey se tkun qed tmexxi lit-tim diġitali u se tkun qed tipprovdi taħriġ lill-account managers kollha tal-kumpanija. Dan biex ikun assigurat li t-tim ikompli jkun aġġornat u b’saħħtu.

Claude Mifsud beda jaħdem ma’ The Concept Stadium lura f’Lulju tal-2015 u minn dak iż-żmien serva bis-sħiħ fil-qasam teknoloġiku u kreattiv tal-aġenzija. Dan partikolarment fejn jidħol il-web design u web development. Minn Jannar, hu assuma r-responsabbiltà ta’ Head of Tech. Permezz tal-irwol tiegħu se jkompli jmexxi l-web team u jipprovdi sapport teknoloġiku lill-aġenzija.

Claude u Audrey se jkunu qed jagħmlu parti mill-Core-Operations Management Team fejn se jkunu qed jużaw is-snin ta’ esperjenza tagħhom biex ikompli jissaħħaħ is-servizz li tagħti l-aġenzija lill-klijenti tagħha.

“L-għan tagħna bħala The Concept Stadium ma jiqafx biss mal-kuntentizza tal-istaff tagħna fix-xogħol li qed jagħmlu, imma nara li ntuhom xi sfidi li jgħinuhom jikbru wkoll fil-karrieri tagħhom. Persuni li jiddeddikaw ruħhom għax-xogħol li qed jagħmlu u jistinkaw fl-irwoli tagħhom għandhom ikunu rikonoxxuti. Jiena konvint li kemm Audrey kif ukoll Claude se jkomplu jservu lil din l-aġenzija b’mod impekkabbli fl-irwoli u r-responsabbiltajiet ġodda tagħhom,” qal Jonathan Dalli, il-Fundatur u Kap Eżekuttiv ta’ The Concept Stadium.

Is-sena li għaddiet ġabet magħha diversi sfidi, uħud li ma jitbassrux. Minbarra l-pandemija tal-Covid-19, l-aġenzija tilfet lill-ko-fundatur tagħha Jonathan Chetcuti minħabba marda kiefra. “Ninsabu ċerti li Jon qed iħares lejnha bi tmissima fuq fommu meta jara l-mod kif it-tim ingħaqad f’mument ta’ kriżi u ħadem biex l-aġenzija tagħna tibqa’ għaddejja qalb il-maltemp,” temm jgħid Dalli.

Grazzi għall-portafoll robust ta’ klijenti lokali u internazzjonali, The Concept Stadium hija dejjem miftuħa biex timpjega fit-tim tagħha persuni kreattivi.

Għal aktar informazzjoni, żur https://www.conceptstadium.com/jointheteam/