Internazzjonali

Stati Uniti: Aktar Repubblikani jduru kontra Donald Trump meta qed tikber il-possibbiltà ta’ impeachment

Il-pressjoni biex Donald Trump jitneħħa ‘mill-aktar fis’ minn President tal-Istati Uniti issa laħqet livell akut – b’numru qed jiżdied ta’ Repubblikani ‘eks-alleati’ itennu li huma favur it-tieni proċess ta’ impeachment għal Trump f’dawn l-aħħar erba’ snin.

F’każ ta’ konferma, il-mandat ta’ impeachment ikun wieħed storiku għaliex qatt qabel fl-istorja ma kien hemm każ fejn President Amerikan fil-kariga kellu jgħaddi minn żewġ proċessi ta’ dan it-tip waqt terminu ta’ tmexxija partikulari.

Donald Trump kien suġġett għall-ewwel impeachment fl-aħħar xhur tal-2019 fuq akkużi li hu kien abbuża l-poteri tiegħu bħala President.

Intant, bħalissa hemm stennija kbira biex il-Kamra tar-Rappreżentanti f’Washington tivvota għall-impeachment ta’ Trump fuq akkużi li hu kien l-ixprun wara r-rewwixta tal-ġimgħa li għaddiet fil-kapitali, fejn eluf ta’ sostenituri tal-President assedjaw u infiltraw il-bini tal-Capitol ( is-sede tal-amministrazzjoni).

Dan fost il-vjolenza sussegwenti li fiha tilfu ħajjithom ħames persuni – fosthom uffiċjal tal-pulizija — fl-inħawi.

L-indikazzjonijiet, għalissa, huma ta’ ‘vot favur l-impeachment ta’ Trump’, b’numru ta’ membri Repubblikani fil-Kamra tar-Rappreżentanti jesprimu ruħhom diżgustati bl-aġir ta’ Trump, li fl-ebda ħin ma esprima rimors jew ‘sens ta’ ħtija’ għall-konsegwenzi tal-vjolenza,

Il-membru anzjana tal-Kamra, Liz Cheney, kienet fost ir-Repubblikani li, fl-aħħar sigħat, tkellmu favur l-impeachment – iżda Repubblikani oħrajn ma dehrux daqstant konvinti li dan il-pass se jkun għaqli. Wieħed minn dawn, Tom Cole, ħeġġeġ biex il-membri sħabu (Repubblikani) fil-Kamra jivvutaw kontra l-impeachment ‘għaliex il-proċess għandu nuqqasijiet notevoli u jservi biss biex ikabbar is-sens tad-diżgwid fost l-Amerikani’.

Il-President Trump għadu qed jinsisti b’aġir pjuttost aggressiv u fl-aħħar sigħat, hu iddefenda d-diskors li kien għamel lill-partitarji tiegħu qabel l-irvellijiet tal-ġimgħa l-oħra fil-qalba ta’ Washington.  Trump, fil-fatt, insista li l-kummenti tiegħu – fosthom l-appell lill-partitarji biex ‘jimmarċjaw lejn il-Capitol’ — kienu għal kollox xierqa fiċ-ċirkustanzi.

Mill-banda l-oħra, il-kritiċi – u anki diversi eks-alleati tal-President – qablu li dan id-diskors serva ‘biex isaħħan l-irjus’, fost akkużi li ‘il-President kien aktar ħsiebu biex isalva ġildu ( minn lat politiku) milli jħares l-interessi tal-poplu u l-Kostituzzjoni tal-Istati Uniti’.

F’każ ta’ konferma għall-impeachment ta’ Trump, is-Senat Amerikan ikun mistenni li jmexxi l-proċess dovut li jkun simili għal ‘ġuri’ u fejn il-President ikun irid iwieġeb dwar ‘aġir anti-Kostituzzjonali u kontra d-demokrazija’. Biex hu jinstab ħati tinħtieġ il-konferma  minn żewġ-terzi tal-membri tas-Senat,

Fis-sigħat preċedenti, il-Viċi-President Amerikan, Mike Pence, ċaħad għall-pressjoni tad-Demokratiċi biex jattiva liġi – it-25th amendment — li, kieku daħlet fis-seħħ, kienet tirtira awtomatikament il-poter ta’ Trump għal direttivi presidenzjali.