Internazzjonali

Stati Uniti: It-tieni impeachment storiku għal Donald Trump

Il-President Amerikan Donald Trump se jgħaddi mit-tieni proċess ta’ impeachment talli ‘inċita’ l-irvellijiet qattiela ta’ ġimgħa ilu fil-Capitol ta’ Washington.

Għaxar Repubblikani ‘ribelli’ ivvutaw mad-Demokratiċi għall-impeachment ta’ Trump wara jum ta’ dibattitu fil-Kamra tar-Rappreżenanti f’Washington.

Dan ifisser li Donald Trump sar l-ewwel President Amerikan fl-istorja li qatt spiċċa ‘impeached’ għal darbtejn f’mandat (wieħed) ta’ tmexxija. Hu kien ġralu l-istess lejn l-aħħar xhur tal-2019.

Dan kollu jfisser li Trump, issa, se jkun suġġett għal proċess — jew ġuri — fis-Senat wara l-20 ta’ Jannar, il-jum meta hu jispiċċa uffiċjalment minn President.

Waqt id-dibattitu jaħraq f’Washington, numru ta’ Repubblikani argumentaw li l-impeachment ta’ Trump iservi ‘biss’ biex ikompli jifred lill-Amerikani..

Iżda l-Ispeaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti, Nancy Pelosi, qalet li ‘Trump jeħtieġ jitneħħa illum qabel għada mill-Presidenza għaliex huwa periklu għan-nazzjon’.