Lokali Qorti

Tliet snin ħabs fuq serq minn karozzi

Raġel minn Ħal Safi ġie kundannat tliet snin ħabs mill-Maġistrat Ian Farrugia wara li ammetta li wettaq serje ta’ serq minn karozzi f’lokalitajiet differenti.

Stefan Cutajar ta’ 36 sena kien qed jiġi mixli bi 17-il akkuża ta’ serq aggravat u ħsara u akkuża waħda ta’ attentat ta’ serq u ksur ta’ bail fost oħrajn. Numru ta’ karozzi pparkjati kienu fil-mira tiegħu f’Ħal Qormi, il-qasam industrijali tal-Marsa, Ħal Luqa, Ħal Tarxien, Marsaskala u l-Marsa bejn Ġunju u Ottubru tas-sena l-oħra.

Huwa ammetta wkoll li kien fil-pussess ta’ oġġetti ta’ valur għoli mingħajr spjegazzjoni wara li fil-passat kien instab ħati ta’ serq u li kiser il-probation. Cutajar ammetta wkoll li sar reċidiv.

Fis-sentenza tagħha l-Qorti qieset l-ammissjoni bikrija ta’ Cutajar, l-kontenut tad-depożizzjoni tal-uffiċjal tal-probation Mary Rose Farrugia u l-kondotta voluminuża ta’ Cutajar.

Meta tressaq il-Qorti fuq is-serqa minn karozzi, l-Ispetturi Roderick Agius u Sarah Zerafa kienu oġġezzjonaw bil-qawwa kollha biex Cutajar jingħata l-libertà proviżorja.

“Huwa nħeles mill-ħabs f’Marzu tal-2009, ingħata t-tieni ċans b’ordni ta’ probation u ma ħadhiex,” kien sostna l-Ispettur Agius hekk kif ippreżenta l-kondotta kriminali tiegħu, li mhux wieħed feliċi.

Il-Qorti fis-sentenza tagħha qalet li meta qieset ix-xhieda tal-uffiċjal tal-probation, u sabiex il-Qorti tassigura li l-imputat ikompli jibbenefika minn kull għajnuna li għandu bzonn biex jirriabilità ruħu, ordnat li l-ordni oriġinali ta’ probation u ta’ trattament, mogħtija mill-Maġistrat Joe Mifsud fl-4 ta’ Lulju 2019, tiġi konfermta u tinżamm għall-perjodu ta’ tliet snin.