Coronavirus Lokali Saħħa

“Transfer vendikattiv” ikkundannat minn ħafna

Il-Prim Ministru qed jibqa’ jiddefendi din il-mossa tal-Gvern tiegħu

Matul il-ġurnata, l-Assoċjazzjoni tat-Tobba, il-MAM, talbet laqgħa urġenti mad-Deputat Prim Ministru Chris Fearne wara li aktar kmieni din il-Ġimgħa, it-Tabib Kenneth Grech tneħħa mil-kariga tiegħu fi ħdan id-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika. Għadu mhux ċar x’ħareġ minn din il-laqgħa.

Minn naħa tiegħu l-Prim Ministru qed jibqa’ jiddefendi din il-mossa, bl-iskuża tkun li l-konsulent ma tkeċċiex iżda tneħħa mill-kariga. Kenneth Grech tneħħa f’dak li l-UĦM qed tiddeskrivi bħala tranfser vendikattiv wara li ta pariri lill-Gvern biex ikun kawt u ma jiftaħx l-iskejjel mal-ewwel wara l-festi tal-Milied.  Il-union qalet li dan it-transfer “seħħ mhux għax il-konsulent kien żbaljat imma għax hemm min mhux kuntent bil-pariri tieghu.” Il-Prim Ministru issa spiċċa dahru mal-hajt – u ma jistax jibqa’ jiċħad il-fatti, tant li qed jipprova jivvinta kull forma ta’ gustifikazzjoni.

Il-UĦM qed tghid li din il-manuvra ma tawgurax tajjeb “għaliex din l-attitudni twassal sabiex kull ħaddiem jew professjonist li jokkupa kariġa pubblika jista’ jisfa’ mhedded jekk jesprimi opinjoni li mhux bilfors tingħoġob”.

Waqt il-programm NETLIVE, it-tabib Grech kien deskritt minn Martin Balzan, il-President tal-MAM, bħala pilastru fis-saħħa pubblika, tabib li għandu r-rispett ta’ persuni awtorevoli mhux biss f’pajjiżna iżda anke lil hinn.

Wara li sar magħruf li l-Gvern kien tajjar lit-tabib Grech mis-Saħħa Pubblika, kienu diversi l-entitajiet li kkundannaw din il-mossa xejn dinjituża, fosthom l-Assoċjazzjoni tat-tobba tas-Saħħa Pubblika, l-Assoċjazzjoni ta’ Min Iħaddem, il-Maltra Health Network, is-Segretarjat għall-Edukazzjoni Nisranija, kif  ukoll il-Partit Nazzjonalista, li lkoll ikkundannaw dan l-aġir tal-Gvern.