Futbol Sport

Atalanta u SPAL fil-kwartifinali tal-Coppa Italia

(Ritratt: EPA)

Tkompli s-serje pożittiva ta’ Atalanta fejn f’konfront li ddominaw għal ħinijiet twal, meritatament għaddew għall=kwartifinali tal-Coppa Italia b’rebħa ta’ 3 – 1 fuq Cagliari. Żewġ minuti minn tmiem l-ewwel taqsima, Atalanta fetħu l-iskor. Azzjoni ta’ Luis Muriel lejn ALEKSY MIRANCHUK li għeleb lil Guglielmo Vicario. Minkejja li fit-tieni taqsima Atalanta fetħu fuq l-offensiva, fil-55 minuta Cagliari għamlu l-iskor 1 – 1 . Vicario xeħet fit-tul lejn RICCARDO SOTTIL li qata’ d-difiża biex għeleb lil Marco Sportiello. Kienet biss parentesi qasira għaliex sitt minuti wara minn azzjoni ta’ Robin Gosens, kien LUIS MURIEL li għeleb lil Vicario għat 2 – 1 . Żdiedet il-pressjoni minn Atalanta li fl-64 minuta għamlu l-iskor 3 – 1 permezz ta’ BOSKO SUTALO. Riżultat li biħ intemmet il-partita.

SPAL tas-Serie B eliminaw lil Sassuolo mill-Coppa Italia b’rebħa ta’ 2-0. Bil-partita tkun ibbilanċjata matul l-ewwel taqsima li ntemmet 0 – 0 fis-47 minuta Filip Djuricic tkeċċa għal Sassuolo mir-referee Giacomo Campione. SPAL approfittaw tant li żewġ minuti wara minn azzjoni ta’ Demba Seck kien SIMONE MISSIROLI li għeleb lil Gianluca Pegolo. B’Sassuolo jonqsu milli jwettqu reazzjoni fit-58 minuta SPAL irduppjaw. Azzjoni minn Marco d’Alessandro lejn LORENZO DICKMANN li għeleb mill-ġdid lil Pegolo – għalaq il-partita u poġġa lil SPAL fil-kwarti finali.

COPPA ITALIA

Rawnd tal-aħħar 16: It-Tlieta: Milan v Torino 0-0 (5-4pen.) Ilbieraħ: Fiorentina v Inter 1-2, Napoli v Empoli 3-2, Juventus v Genoa 3-2 Il-Ħamis: Sassuolo v SPAL 0-2, Atalanta v Cagliari 3-1 It-Tlieta 19 ta’ Jannar: Roma v Spezia 9.15pm