L-attitudni ta’ ħafna mill-Ministri u s-Segretarji Parlamentari li ma jwieġbux il-mistoqsijiet leġittimi li qed isirulhom hi mossa li tqarreb lejn stat ditattorjali.
Hekk qal l-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin (IĠM) wara lment formali magħmul minn NET News dwar il-mod li bih il-Ministru Clint Camilleri insulta lil ġurnalist għax ma għoġbitux il-mistoqsija li saritlu.
Iffaċċjat bl-ilment, il-Ministru Camilleri pprova jiġġustifika billi qal li uża’ l-kelma “imbeċilli” meta kien qed jitkellem mal-Ministru Clayton Bartolo dwar xi ħaġa oħra. Iżda anke hawn, l-IĠM wera li ma emminx l-iskuża tal-Ministru. Fil-fatt, l-Istitut qal li hu aktar minn evidenti li Camilleri nduna bil-gravità tal-insult li għamel u pprova jgħatti għemilu.
Bl-istess mod, l-IĠM innota wkoll kif lanqas ma hu aċċettabbli li l-Ministru Ian Borg, din il-ġimgħa stess, ipprova jiġbor dagħwa fuq it-televiżjoni billi qal li l-Malti tiegħu nftiehem ħażin.
Iżda l-kundanna tal-Istitut tal-Ġurnalisti tasal f’nofs is-skiet li jtarrax tal-Prim Ministru Robert Abela dwar dawn l-inċidenti. Xhieda ta’ kemm Abela qed jagħżel li jiddefendi lill-membri tal-Kabinett li huma qrib tiegħu. Wara li ddefenda lil Rosianne Cutajar, minkejja li allegatament ħadet €50,000 f’senserija, qed ikompli jiddefendi l-aġir ta’ Ian Borg u issa anke Clint Camilleri.
Sadanittant, l-IĠM appella wkoll għal attitudni aħjar minn dawk il-Ministri u s-Segretarji Parlamentari li jagħżlu li jiżgiċċaw b’xi tweġiba bħal “no comment”. Għax l-Istitut jemmen li l-Gvern hu fid-dmir li jagħti rendikont lill-poplu billi jwieġeb għall-mistoqsijiet tal-ġurnalisti.
//= $special ?>