Internazzjonali

Berlusconi jittieħed l-isptar wara problemi tal-qalb

L-eks Prim Ministru Taljan Silvio Berlusconi kellu jittieħed b’urġenza fi sptar f’Monaco waraproblemi kardijaċi.

Dan ħabbru t-tabib tiegħu Alberto Zangrillo fejn spjega li ordnalu huwa nnifsu sabiex jingħata l-kura fl-isptar ġewwa Monaco minflok jirritorna lura lejn l-Italja għaliex ħass li ma kienx prudenti li l-eks President ta’ A.C. Milan jivvjaġġa lura lejn pajjiżu.

Huwa saħaq li Berlusconi, li illum għandu 84 sena, ħarbitlu qalbu, wara li t-Tnejn l-eks Prim Ministru sejjaħ lil Zangrillo fin-nofsinhar ta’ Franza. It-tabib spjega li saħħet Silvio Berlusconi sejra lura.

Madanakollu kelliema li jirrapreżentaw il-mexxej tal-partit politiku Forza Italia saħqu li huwa mistenni jirritorna d-dar fil-jiem li ġejjin l-għaliex ittieħed l-isptar għal testijiet ta’ rutina.

Fl-aħħar ġimgħat Berlusconi kien qed joqgħod f’residenza f’Valbonne, qrib Nizza. Lura f’Settembru huwa kien ittestja pożittiv għal Covid-19 fejn Berlusconi nnifsu ddeskriva l-esperjenza li għadda minnha bħala waħda mill-aktar perikoluzi u tal-biża’ ta’ ħajtu.