Internazzjonali

Covid-19: L-ewwel mewta fiċ-Ċina fi tmien xhur…Jaslu l-esperti tal-WHO fil-belt ta’ Wuhan

Numru ta’ esperti (xjenzati) mal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) waslu fiċ-Ċina biex jinvestigaw l-oriġini tal-Covid-19. Intant, iċ-Ċina, fil-preżent, qed tiffaċċja spinta ta’ infezzjonijiet ġodda bil-coronavirus u, fl-aħħar sigħat, irreġistrat l-ewwel mewta mill-virus għal dawn l-aħħar tmien xhur.

Il-pandemija tal-Covid-19 qed tingħad li oriġinat f’Wuhan lejn l-aħħar tal-2019 u x-xjenzati tal-WHO, issa, intlaqgħu mill-uffiċjali lokali f’din il-belt Ċiniża fejn kienu testjati għall-virus.

Ix-xjenzati, issa, bdew kwarantina ta’ ġimgħatejn f’lukanda qabel jibdew jiġbru informazzjoni mingħand persuni fl-istituzzjonjiiet ta’ riċerka u l-isptarijiet, kif ukoll mingħand persuni ‘li għandhom x’jaqsmu’ mas-suq ta’ Wuhan fejn jinbiegħu l-animali slavaġ u li hu marbut mal-fażi inizjali tal-pandemija.

Intant, il-WHO qalet li żewġ xjenzati minn tagħha ma setgħux jivvjaġġaw lejn Wuhan wara li testjaw pożittiv għall-antibodies tal-virus. Dan qabel huma setgħu jaqbdu l-ajruplan lejn iċ-Ċina minn Singapore.

Il-Kummissjoni Ċiniża tas-Saħħa rappurtat 138 infezzjoni ġdida li hi l-akbar ċifra ta’ infettati għal ġurnata waħda ( fil-pajjiż) minn Marzu.

Sar magħruf, wara, li mara ‘bi problemi tas-saħħa preċedenti’ kienet l-ewwel vittma tal-Covid-19 mis-sena l-oħra ‘il hawn.

L-infezzjonijiet ġodda feġġew fil-provinċji ta’ Hebei u Heilongjiang, lejn il-grigal taċ-Ċina u qed iqajjmu l-inkwiet partikulari minħabba li, bħalissa, mijiet ta’ miljuni ta’ nies qegħdin iħejju għall-vjaġġi fl-okkażjoni tas-Sena Ġdida Lunari tradizzjonali għaċ-Ċiniżi u l-Asjatiċi l-oħra.

Fi żviluppi oħra, ir-Royal College of Surgeons fl-Ingilterra qed twissi dwar ‘l-aħħar ċifri traġiċi’ li juru l-impatt qerriedi tal-coronavirus fil-pajjiż.

Dan meta sar magħruf li – fl-aħħar ta’ Novembru – total ta’ 4.46 miljuni kienu qed jistennew biex jingħataw it-trattament dovut fl-isptarijiet u li hi l-ogħla ċifra ta’ pazjenti kemm ilhom li bdew jinżammu r-rekords partikulari fl-Ingilterra.

Intant, l-entità Public Health England qalet li l-parti kbira tan-nies li mardu bil-Covid-19 huma ‘protetti’ minn tieni infezzjoni mill-virus għal talanqas ħames xhur.

Il-Ministri Britanniċi għandhom jiddiskutu jekk għandhomx iwaqqfu t-titjiriet mill-Brażil lejn arthom, fost l-inkwiet dwar varjant ġdid tal-coronavirus li għadu kemm feġġ fl-Istat Latin Amerikan.