In-nies għandhom jemmnu fija u jgħarfu l-abilitajiet ta’ nies bħali – mingħajr ma jkunu distratti bid-diżabilità li jaraw quddiem għajnejhom.
Hija din ix-xewqa taċ-ċkejken Beppe Caruana, tfajjel ta’ 9 snin li jinsab fil-ħames sena tal-primarja, li b’ħila u suċċess irnexxielu jiddokumenta l-ġrajja tiegħu fil-ktieb intitolat ‘Il-Mawra Tiegħu fl-Ispazju’.
L-għan wara dan il-ktieb, li ġie mniedi waqt konferenza tal-aħbarijiet, huwa li titqajjem kuxjenza b’rabta mal-kundizzjoni tal-awtiżmu – b’dik ta’ Beppe tkun waħda li ixxekklu milli jikkomunika verbalment.
Beppe kien akkumpanjat mill-ġenituri tiegħu Joseph Caruana u Olivia Galea Seychell, fejn ommu saħqet li grazzi għal diversi metodi differenti ta’ komunikazzjoni u l-għajnuna tal-esperti mediċi, rnexxielhom joħorġu l-potenzjal tat-tfajjel u jwettqu dak il-pass li wassalhom eqreb għal ħsibijiet u wisq aktar l-emozzjonijiet tiegħu. Permezz tal-hekk imsejjaħ rapid prompting method, l-omm spjegat li ħareġ fid-deher li l-livell ta’ qari ta’ Beppe, kemm fil-Malti kif ukoll fl-Ingliz, kien wieħed avvanzat.
Hija saħqet li t-tfassil u l-kitba ta’ dan il-ktieb ingħatat bidu meta t-tifel kellu 8 snin iżda grazzi għal din l-inizjattiva, Beppe esprima l-ħsibijiet tiegħu u dak li kien qiegħed jaffettwah mis-soċjetà ta’ madwaru.
Olivia spjegat li fil-kitba tieghu Beppe ħoloq similitudni bejn ir-restrizzjonijiet tal-Covid-19, li bħala soċjetà kellna u għadna nġorruhom – ma dak li tghaddi minnu persuna bil-kundizzjoni tiegħu …. filwaqt li stqarret li x-xewqa tiegħu hija dik li jħossu ħieles.
L-omm, li hija wkoll psikologa, qalet li huwa importanti li qatt m’għandna nissottovalutaw nies li jsoffru minn xi diżabilità jew oħra iżda għandna naħdmu sabiex is-soċjetà tagħna tkun waħda inklussiva.
L-illustratur tal-ktieb huwa Nasim Dardouri.
Filwaqt li l-ktieb mistenni jkun għal bejgħ matul din il-ġimgħa, dan ser ikun qed jitqassam ukoll lill-istudenti tal-ħames sena tal-primarja mill-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu.
//= $special ?>