Lokali

Il-Ministru tat-Turiżmu m’għandux jaħtar lil Gavin Gulia bħala chairman tal-MTA minn wara dahar il-Parlament u bi ksur tal-liġi – PN

Fid-dawl tal-ġurament tal-ħatra u r-riżenja għall-għarrieda ta’ Gavin Gulia bħala Membru Parlamentari, l-Oppożizzjoni tistenna li l-Ministru tat-Turiżmu ma jaħtarx mill-ġdid lil Gavin Gulia bħala chairman tal-MTA minn wara dahar il-Parlament u bi ksur tal-liġi.

Hekk intqal fi stqarrija maħruġa minn Karol Aquilina, Carm Mifsud Bonnici u Clyde Puli.

L-artikolu 3 (4) tal-Att dwar Servizzi tal-Ivvjaġġar u tat-Turiżmu għal Malta (Kap. 409 tal-Liġijiet ta’ Malta) jipprovdi li ebda persuna ma tikkwalifika biex tiġi nominata, jew biex tibqa’, membru tal-Awtorità tat-Turiżmu ta’ Malta, inkluż chairman, jekk hija tkun membru tal-Kamra tad-Deputati. Għalhekk mal-ġurament tal-ħatra bħala Membru Parlamentari, Gavin Gulia temm definittivament milli jservi bħala Chairman tal-Awtorità tat-Turiżmu ta’ Malta.

Dan jgħodd aktar u aktar ġaladarba Gavin Gulia kien irriżenja minn chairman tal-MTA qabel ma ħa l-ġurament tal-ħatra bħala Membru Parlamentari kif imħabbar permezz ta’ stqarrija ppubblikata mill-Ministeru għat-Turiżmu lbieraħ l-Erbgħa 13 ta’ Jannar 2021.

Għalhekk bħala Membri tal-Kumitat Permanenti dwar il-Ħatriet Pubbliċi nfakkru lill-Ministru għat-Turiżmu li jekk beħsiebu jerġa’ jinnomina lil Gavin Gulia bħala chairman tal-Awtoritá tat-Turiżmu ta’ Malta, huwa obbligat bil-liġi li jissottometti n-nomina tiegħu għall-iskrutinju tal-Kumitat Permanenti dwar il-Ħatriet Pubbliċi.