Huwa nuqqas ta’ professjonalità kbira li konsulent mediku jingħata daqqa ta’ sieq ‘il barra wara li esprima opinjoni bbażata fuq analiżi medika. Dan hekk kif kollox jindika li l-koordinatur tal-Covid-19 fil-qasam tas-Saħħa Pubblika, it-tabib Kenneth Grech, tneħħa mill-pożizzjoni tiegħu sempliciment għax wettaq dmiru.
Dan intqal fl-editorjal tal-ġurnal Times of Malta fil-ħarġa tal-Ħamis bl-editur jistaqsi jekk il-Gvern hux qiegħed jimxi max-xjenza fil-ġlieda kontra l-pandemija. Dan wara li bosta mhux qed jemmnu l-ispjegazzjoni tal-Gvern ta’ Robert Abela dwar ir-raġuni għalfejn it-Tabib Grech ġarrab din it-transfer, inkluż esperti u assoċjazzjonijiet mediċi varji.
Dan kollu wara li l-konsulent mediku Kenneth Grech ta parir lill-awtoritajiet sabiex ma jiftħux l-iskejjel b’mod fiżiku għall-ewwel jiem wara l-vaganzi tal-Milied.
L-Editorjal jisħaq li l-pubbliku għandu dritt ikun jaf il-verità kollha – inkluż dwar xiex kien ibbażat il-parir ta’ Grech. Madanakollu, minkejja x-xokk ta’ bosta – kemm il-Prim Ministru Abela, kif ukoll il-Ministru Chris Fearne qed iżommu fommhom sieket.
Għaldaqstant dawn il-manuvri u segretezzi kollha, inevitabbilment, iqajmu diversi mistoqsijiet u inċertezzi dwar id-deċiżjonijiet meħuda mill-Gvern Laburista u jekk hux vera li qed jimxi ma’ kull parir li jingħata mill-esperti mediċi.
L-Editorjal jgħid li l-pubbliku qed jistenna, bi dritt, li jisma’ l-verità kollha.
//= $special ?>