Ekonomija Lokali

Inċertezza fis-swieq finanzjarji internazzjonali

Melvyn Mangion jitkellem ma’ Net News dwar l-ahhar zviluppi fis-swieq finanzjarji internazzjonali

Is-swieq finanzjarji internazzjonali kellhom bidu kemm xejn kwiet fis-sena 2021. L-interċezza li qed iġġib il-pandemija qed tħalli l-effett tagħha fuq l-ekonomiji ta’ bosta pajjiżi. Dan ftit jew wisq qed ikun rifless fis-swieq finanzjarji. Analisti finanzjarji qed jgħidu li diversi swieq finanzjarji għad irid jinżlu fil-valur għax jinsabu f’bużżieqa.

Is-suq finanzjarju Ġermaniż magħruf bħala DAX ra żieda żgħira mill-bidu tas-sena sa issa. Is-suq Franċiż li jissejjah CAC ukoll ra żieda żgħira fl-ewwel ġranet ta’ din is-sena. Id-dollaru Amerikan kompla fejn kien fl-aħħar ġimgħat meta mqabbel mal-ewro. L-aħbar li ħarġet fl-aħħar siegħat dwar il-President uxxenti Amerikan, Donald Trump, jidher li għadha ma ħallietx impatt negattiv fuq id-dollaru Amerikan.

Fil-Ġermanja fl-aħħar 24 siegħa biss, kellna iktar minn 1,200 mewta kawża tal-COVID 19. Dan xorta ma wassalx ghal impatt negattiv fis-suq finanzjarju Ġermaniż. Il-vaċċin qed jitfa’ tama fuq l-investituri tas-swieq finanzjarji.

Bloomberg irrapurtaw li kumpaniji li jipprovdu l-vaċċin raw żieda sostanzjali fil-valur tal-ishma tagħhom fl-aħħar xhur. Madankollu din ir-rankatura fil-prezz issa waqfet.

Analisti finanzjari kkummentaw li l-votalita fil-bitcoin turi li hemm wisq spekulazzjoni u dan għandu jiftaħ għajnejn bosta investituri. Saħansitra l-Awtorita’ Finanzjarja tar-Renju Unit wissiet li min jitfa’ flusu f’bitcoin, ikun qed jissogra li jibqa’ b’xejn.

L-ishma ta’ Amazon komplew jissaħħu filwaqt li dawk ta’ Tesla naqsu mir-rankatura kbira li ħadu fl-aħħar ġimgħat. L-kumpaniji li joperaw il-cruise liners qed ikomplu jsoffru telf kostanti. Studju fir-Renju Unit wera li hekk kif iktar nies qed jixtru online, hemm possibilita kbira li madwar 400,000 ħaddiem li jaħdmu fi ħwienet jitilfu l-impjieg tagħhom.

L-informazzjoni u l-ħsibijiet inklużi fl-artiklu huma provduti għal skop ta’ edukazzjoni u informazzjoni biss u m’għandhomx jiġu kkunsidrati bħala parir ta’ investiment