Lokali

L-Għaqda tal-Konsumaturi kontra c-charges bl-addoċċ li qed jimponu l-banek

Dan l-aħħar jiem, ħafna konsumaturi li għandhom xi kont mal-HSBC irċevew nota mingħand il-bank li jekk huma ma jiddepożitawx ċerta somma ta’ flus (€2,300 jew €1,250 għal dawk ta’ aktar minn 61 sena) fil-kont kurrenti jew il-kont ‘savings’ kull tliet xhur jew inkella jaqgħu taħt xi kategoriji oħra kif speċifikati mill-Bank, ser jibdew jeħlu €5 kull xahar jew aħjar €60 fis-sena.

Fi stqarrija, l-Għaqda tal-Konsumatur qalet li din hi waħda minn sensiela ta’ żidied li l-konsumaturi qed iħabbtu wiċċhom mal-banek f’Malta. L-Għaqda temmen li dawn iż-żidied huma parti minn sensiela ta’ azzjonijiet mill-banek biex l-użu tal-banek mill-konsumaturi jibda jsir bil-ħlas.

Din taqleb l-istampa kollha ta’ taħt fuq ta’ kif kienet taħdem din is-sistema. Qabel kienet li l-konsumaturi kienu jpoġġu dak li jġemmgħu l-bank u dan
kien jużahom u jagħtihom interessi fuq dak li jkunu ddepożitaw.

Issa ġejna fis-sitwazzjoni fejn l-interessi li l-banek jagħtu lill-konsumaturi huma redikoli filwaqt li huma jużaw il-flus tal-konsumaturi biex isellfu u jdaħħlu interessi ħafna aktar għolja minn dak li jagħtu lid-depożitanti. Fi ftit ta’ żmien ieħor wieħed ma jeskludix li se nistgħu niġu f’sitwazzjoni
fejn barra dan ser ikollok tħallas tal-użu tal-banek u l-banek barra l-flus li jdaħħlu mill-interessi li jdaħħlu meta jisilfuhom ser idaħħlu wkoll fi bwiethom ‘charges’ talli ma ddepożitajtx aktar.

L-impatt ta’ din il-miżura tal-HSBC ser ikun fuq dawk li jew għandhom dħul jew penzjoni baxxa.

Dan ifisser li l-akbar impatt negattiv ser ikun fuq dawk il-konsumaturi l-aktar vulnerabbli. Barra dan ser ikun hemm impatt fuq dawk il-konsumaturi li d-dħul tagħhom jidħol dirett f’xi account ta’ bank ieħor.

Dawn il-konsumaturi mhux biss ser jaraw dħul akbar iżda ser jibdew jaraw il-flus tagħhom fil-kont ‘savings’ jonqos b’60 Euro fis-sena. Effett ieħor hu li din il-miżura mill-HSBC ser tħajjar banek oħra biex jieħdu miżuri bħal din biex, fi kliem l-Għaqda, ikabbru l-profitti tagħhom.

L-Għaqda tal-Konsumaturi tinnota wkoll li l-banek ma kienux qed jagħmlu telf u għalhekk iridu jaraw kif ser jagħmlu biex jirkupraw l-ispejjeż. Jekk nieħdu l-HSBC fl-2019 għamel qligħ qabel it-taxxa ta’ €45.3 miljun qabel it-taxxa li jirrappreżenta żieda ta’ 24% fuq is-sena ta’ qabel. Min-naħa loħra, il-Bank of Valletta li fl-aħħar sena wkoll għolla c-charges tiegħu kellu profitt ta’ qabel it-taxxa ta’ €89.2 miljun.

L-Għaqda temmen li l-affarijiet f’dan is-settur daqshekk importanti ma jistax jibqa’ sejjer hekk fejn il-banek ma jġorru l-ebda responsabbilta’ soċjali u jħarsu biss l-interessi tagħhom filwaqt li jgħakksu lill-konsumaturi l-aktar vulnerabbli.