Internazzjonali

L-Italja: Pressjoni akbar fuq Conte waqt kriżi politika

Il-PM Taljan Giuseppe Conte

Il-Prim Ministru Taljan, Giuseppe Conte qed jikkunsidra l-għażliet quddiemu wara li l-eks Prim Ministru Taljan, Matteo Renzi, qajjem kriżi tal-gvern ġdida bil-ħruġ tal-partit tiegħu, Italia Viva (IV), mill-koalizzjoni.

Żewġ ministri tal-Gvern li huma membri tal-partit ta’ Renzi, sa fl-aħħar, irriżenjaw wara ġimgħat ta’ theddid relatati, fost oħrajn, mad-diżgwid dwar il-Pjan għall-Irkuprar ( tal-Italja) fil-kriżi tal-Covid-19.

L-istess partit taċ-ċentru anki esprima ruħu urtat talli l-Gvern naqas minn impenn biex jikseb madwar 37 biljun ewro mingħand il-European Stability Mechanism, bil-għan li l-flus ikunu investiti fis-sistema tas-saħħa nazzjonali.

B’hekk, l-eżekuttiv tal-koalizzjoni ta’ Conte – appoġġjat ukoll mill-PD taċ-ċentru-xellug, il-Movimento Cinque Stelle u l-grupp LeU tax-xellug – ma jidhirx li għandu maġġoranza effettiva fil-Parlament. Dan waqt li Giuseppe Conte qed jakkuża lill-Partit Italia Viva (IV) ‘b’li għamel ħsara konsiderevoli lill-Italja.

L-għażliet għal Conte, issa, jinvolvu sejħa għal vot fil-Parlament biex jara jekk l-eżekuttiv tiegħu għandux l-appoġġ tal-maġġoranza tad-deputati. Għażla oħra hi ‘tentattiv biex jitwaqqaf Gvern ġdid’ jew ‘li hu jirriżenja minn Prim Ministru’. Sadanittant, l-Oppożizzjoni taċ-ċentru-lemin kienet qed tinsisti għal elezzjoni nazzjonali bikrija fl-Italja.