Lokali Qorti

Maġistrat mhux kuntent talli ma tressqu ebda provi fil-każ tal-allegat disprezz mill-Malta Today

Xhieda fil-każ tal-allegat disprezz lejn il-Qorti minn naħa tal-MaltaToday se jinstemgħu l-ġimgħa d-dieħla quddiem il-Maġistrat Victor Axiaq wara li ma tressqet l-ebda evidenza minn naħa tar-Reġistratur tal-Qorti għall-ewwel seduta.

Il-Maġistrat esprima diżillużjoni għall-fatt li r-Reġistratur tal-Qrati ma pprovda l-ebda xhieda għas-smigħ tal-ewwel dehra. Matul is-snin il-prattika kienet evolviet b’tali mod li l-ewwel seduta f’każijiet bħal dawn tkun sempliċement biex jingħataw id-dati tal-każ, iżda l-Maġistrat Axiaq ried idawwar ix-xejra, u qal lill-Avukat tar-Reġistratur, Noel Bartolo li “mhux hekk din il-Qorti taħdem. Inkella, x’inhu l-punt li jkollok seduta? “

Wara li nnota b’diżappunt, il-fatt li l-attur ma kellu l-ebda evidenza mħejjija, il-Maġistrat imbagħad irrikorra għand l-avukati tal-MaltaToday fejn osserva li r-risposta tal-imputat kienet ġiet ippubblikata fil-gazzetta qabel ma ġiet ippreżentata fil-Qorti.

Ir-recordings irrappurtati mill-MaltaToday żvelaw li Melvin Theuma, l-middleman fl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, kien ġie mwissi minn investigazzjoni tal-FIAU dwar l-attivitajiet tiegħu ta’ ħasil ta’ flus.

Huma wrew ukoll li Theuma kien żvela informazzjoni li Vincent Muscat, “Il-Kohhu”, wieħed mill-akkuati fil-qtil, kien talab maħfra bi tpattija għal informazzjoni.

Storja minnhom kienet żvelat kif Theuma qalulu li Kastilja kienet se twaħħal il-qtil fuq is-suspettat ta’ kuntrabandu tal-fjuwil Darren Debono u li Theuma kien qed jiġi infurmat dwar żviluppi fl-investigazzjonijiet tal-Pulizija.

Oħra kienet wriet li Edwin Brincat, magħruf bħala “Il-Gojja”, kien ikkowċja lil Theuma dwar x’għandu jgħid waqt li rrekkordja l-konversazzjonijiet tiegħu ma’ Yorgen Fenech.

F’rikors ippreżentat mid-Direttur tal-Qrati, kien allegat li l-pubblikazzjoni tal-MaltaToday tar-recordings kisret ordni tal-Qorti f’Jannar tas-sena l-oħra li kienet ipprojbixxiet il-pubblikazzjoni tar-recordings jew it-traskrizzjonijiet u li dan kien ifisser disprezz tal-proċeduri tal-Qorti.

L-imputati, l-Editur Eżekuttiv tal-MaltaToday Matthew Vella, l-Assistent Editur Karl Azzopardi u d-Direttur Eżekuttiv Saviour Balzan, qed jargumentaw li huma kisbu l-irrekordjar tal-vuċi permezz tal-website Reddit wara li ttellgħu hemm minn terza persuna, u mhux mill-atti tal-kumpilazzjoni.

Bħala konsegwenza, ma setgħux ikunu jafu u ma kinux jafu sal-lum jekk ir-recordings li ppubblikaw humiex l-istess esebiti fil-proċeduri ta’ kumpilazzjoni u li kienu koperti mill-projbizzjoni tal-pubblikazzjoni.

L-Avukati tal-MaltaToday Veronique Dalli u Andrew Saliba infurmaw lill-qorti li kellhom bżonn jivverifikaw li r-reġistrazzjonijiet trasferiti fuq il-pjattaforma online kienu l-istess bħal dawk li qed issir referenza għalihom mir-Reġistratur. Il-każ ġie differit għall-provi tal-attur għall-21 ta’ Jannar, bir-Reġistratur tal-Qrati mistenni li jixhed.