Coronavirus Lokali

Mitluba aktar trasparenza fil-proċess tat-tilqim għall-COVID-19 – PN

Fid-dawl tal-fatt li ma kull ġurnata li tgħaddi, l-esperti tas-saħħa u tal-kura tal-anzjani qed jilmentaw mill-pass bil-mod wisq li bih qed isir ir-roll out tal-vaccinazzjoni tal-COVID-19, il-Gvern għandu jkun ħafna iktar trasparenti fuq dan il-proċess tant importanti għas-saħħa tal-poplu.

Dan qalu fi stqarrija il-Covid Action Team tal-Partit Nazzjonlista fejn saħaq li filwaqt li l-pajjiżi kollha madwar id-dinja qed jiddikjaraw min hi dik il-persuna responsabbli mit-tilqim, il-Gvern Malti qed iżomm dan l-isem mistur. M’huwiex ċar jekk il-kordinazzjoni tal-vaċċin hux qed issir mill-isptar Mater Dei, mid-Dipartiment tas-Saħħa jew mill-Ministeru għas-Saħħa.

Hemm ukoll nuqqas ta’ trasparenza fuq kemm hu n-numru tal-vaċċin li wasal s’issa, kemm ingħata, lil min ingħata u fuq liema kriterju.
Is-settur privat tas-saħħa u s-servizzi privati tal-anzjani f’pajjiżna huma ħerqana ħafna biex huma wkoll ikunu parti minn dan il-proċess ta’ vaċċinazzjoni.

Il-Gvern għandu jkun trasparenti wkoll ma dawn il-professjonisti li fil-waqt li huma wkoll frontliners, jistgħu jkunu kruċjali fis-suċċess jew falliment tar-roll out innifsu.