Lokali Qorti

Mixli li fera’ ħafif lil ommu u hedded lil oħtu

Raġel ta’ 24 sena, residenti s-Siġġiewi iżda li għandu l-karta tal-identità tiegħu reġistrata l-Belt Valletta baqa’ miżmum taħt arrest preventiv wara li ġie mixli quddiem il-Maġistrat Neville Camilleri li fera’ lil ommu u li hedded il-oħtu.

Ir-raġel li ismu mhux qed jixxandar biex jiġu protetti l-identità tal-allegati vittmi ġie mixli li fis-7 ta’ Jannar li għadda għall-ħabta tad-9.00pm fil-Belt ikkaġuna feriti ħfief fuq ommu u li sitt ijiem wara, fit-13 ta’ Jannar għall-ħabta tat-8.00pm. bl-atteġġjament tiegħu ikkaġuna biża b’tali mod li kienet se tintuża’ vjolenza u dan permezz ta’ theddid fuq ommu u oħtu.

L-akkużat li qal li jaħdem part-time ma’ kuntrattur ġie mixli wkoll li nġurja u hedded bil-kliem lil ommu u oħtu, li qal kliem oxxen li jikkonsisti f’dagħa fil-pubbliku, li kiser il-paċi pubblika u l-mistrieħ tan-nies matul il-lejl u li kiser ordni ta’ probation mogħtija mill-Qorti.

L-Avukat Josette Sultana li deheret għall-akkużat għamlet talba għall-ħelsien mill-arrest tiegħu fejn qalet li hu ma jgħix fir-residenza tal-allegati vittmi, l-Belt u għalhekk jekk ikun hemm il-kundizzjonijiet imposti mhemmx il-biża’ li huwa jista’ jersaq lejn ommu u oħtu.

Il-Prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispettur Eman Hayman oġġezzjonat għal din it-talba fejn qalet li għad iridu jixhdu l-vittmi f’dan il-każ. Il-Qorti ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest minħabba l-biża li jiġu kontaminati l-provi.