Lokali Qorti

Mixli li ta n-nar karozza propjetà ta’ uffiċjal tal-Pulizija

Żagħżugħ ta’ 21 sena minn Raħal Ġdid ġie mixli quddiem il-Maġistrat Neville Camilleri li fis-sigħat bikrin tal-aħħar tas-sena ta n-nar karozza li hija propjetà ta’ uffiċjal tal-Pulizija.

Il-każ seħħ f’Ħal Tarxien u li skont il-Prosekuzzjoni Denilson Manicaro qalilhom waqt l-arrest li huwa ħaraq din il-karozza bi żball għax propjament ried jaħraq karozza ta’ xi ħadd ieħor.

Manicaro li wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjubin kontrih ġie mixli li ħaraq il-karozza Toyota Vitz għall-ħabta tas-1.30am. u li kkaġunalha ħsara ta’ aktar minn €2,500.

Huwa ġie mixli wkoll li waqt li saret tfittxija fuqu nstabet id-droga, f’ċirkostanzi li juri li din ma kinitx għal użu tiegħu. Il-Prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispetturi Mario Xiberras, Jeffrey Scicluna u Paul Camilleri qalet fil-Qorti li saret inkjesta fuq dan il-każ u li minn filmati tas-CCTV’s fl-inħawi waslu għal Manicaro.

Ingħad li huwa kien qed isuq karozza Volkwagen Polo griża u wara li saret sorveljanza ġie skopert min kienet il-persuna li qabdet il-karozza. Qal li l-mobile tiegħu saret magħrufa l-lokaliżazzjoni tiegħu u kien fit-12 ta’ Jannar li Manicaro ġie arrestat.

Il-Pulizija qalet li skopriet ukoll li l-karozza Vitz ingħatat in-nar permezz ta’ lighter u li hu ammetta magħhom li kien hu li ħaraq il-karozza, iżda ma kienx il-mottiv tiegħu li jaħraq tal-Pulizija, iżda ta’ persuna oħra. Ingħad iżda li huwa ma qalx lill-Pulizija ta’ min karozza ried jaħraq.

Il-Prosekuzzjoni qalet ukoll li l-akkużat kellu xi ġrieħi f’idu l-leminija u li din għamilha bil-ħarqa tal-karozza. Waqt li saret tfittxija fuqu minbarra d-droga fejn instabu 12-il gramma ta’ kokaina u crack, kif ukoll ċavetta tal-karozza li kien biha waqt il-kummissjoni tar-reat.

L-Avukat ta’ Manicaro, Franco Debono, li kien mgħejjun mill-Avukat Amadeus Cachia għamel talba għal libertà proviżorja fejn qal li l-klijent tiegħu kkopera mal-Pulizija, u li l-inkjesta issa ġiet konkluża.

L-Ispettur Mario Xiberras oġġezzjona bil-qawwa kollha għall-ħelsien mill-arrest tal-imputat minħabba n-natura tar-reati u minħabba li l-investigazzjonijiet għadhom għaddejjin, u li jista’ jkun hemm terzi persuni nvoluti minħabba li jista’ jkun hemm vittma ieħor involut.

l-Ispettur qal li meta qalulu biex jgħid ta’ min kien se jagħti n-nar il-karozza biex tal-anqas jippruvaw jirranġaw l-affarijiet, huwa qalilhom li l-affarijiet jirranġaw huwa lingwaġġ tal-Pulizija. Għaldaqstant il-Proskuzzjoni qalet ukoll li hemm il-biża li jseħħ reat ieħor jekk huwa jingħata l-ħelsien mill-arrest.

L-Avukat Franco Debono qal li ma jaqbilx ma’ dan u tenna li l-provi huma konservati u li għandu kondotta nadifa. Huwa kkwota digriet minn Qorti oħra li wieħed ma jistax ma jagħtix il-bail minħabba li għadhom għaddejjin l-investigazzjonijiet.

Qal li hawn ma hemmx issues ta’ nuqqas ta’ affidabilità u li jekk l-investigazzjonijiet ikunu għadhom mhux mitmuma, allura seta’ ngħata ‘police bail’ kif jiġri f’ħafna każijiet, xi ħaġa li għandha tkun in-norma.

L-Avukat Debono qal li s-sitwazzjoni li l-każ għadu qed jiġi nvestigat qed tiġri spiss fejn imbagħad fis-seduta ta’ wara jerġa’ ma jiġri xejn. Huwa espanda wkoll fuq digriet li kien ingħata mill-Qorti fil-każ ta’ Gordon Debono, li mhijiex ġustifikazzjoni li wieħed ma jingħatax il-libertà proviżorja minħabba li l-investigazzjonijiet ikunu għadhom għaddejjin.

Il-Qorti filwaqt li ċaħdet it-talba ordnat lill-Prosekuzzjoni biex fis-seduta lu jmiss tressaq ix-xhieda pajżana kollha u biex il-process verbal jiġi esebit fl-atti tal-kawża.