Lokali

Raġel arrestat dwar ħruq ta’ vettura

RITRATT: Uffiċċju tal-Komunikazzjoni, Korp tal-Pulizija
  • Instab ukoll fil-pussess ta’ droga kokaina

Raġel ta’ 21 sena residenti l-Fgura kien arrestat mill-Pulizija dwar allegat ħruq ta’ vettura fil-Fgura.

Pulizija mill-Arsons Unit fi ħdan l-iskwadra tar-Reati Maġġuri għamlu diversi ġranet josservaw il-movimenti tas-suspettat u eventwalment ilbieraħ filgħaxija wettqu l-arrest fil-Belt Valletta.

L-inċident in kwistjoni seħħ fil-31 ta’ Diċembru li għadda għall-ħabta tas-2a.m. wara li vettura tat-tip Toyota Vitz ħadet in-nar fi Triq l-Isqof Tumas Gargallo f’Ħal Tarxien. Minn analiżi tal-filmati, ir-raġel ġie identifikat u eventwalment arrestat.

Waqt tfittxija fil-vettura tiegħu, il-pulizija sabet 31 qartas b’sustanza suspettati kokaina.

RITRATT: Uffiċċju tal-Komunikazzjoni, Korp tal-Pulizija

Ir-raġel tressaq illum quddiem il-Maġistrat tal-Għassa Neville Camilleri.