Internazzjonali

Stati Uniti: Stennija għat-tieni ġuri storiku ta’ Donald Trump fost it-tensjoni f’Washington

L-Istati Uniti qed tistenna t-tieni ġuri storiku ta’ Donald Trump li se jispiċċa dalwaqt minn President tal-pajjiż u meta qed tirranka t-tensjoni f’sitwazzjoni pjuttost surreali għal dan il-pajjiż. Il-proċess għandu jsir ladarba Joe Biden jieħu l-ġuramaent bħala s-46 President Amerikan waqt iċ-ċerimonja tal-20 ta’ Jannar f’Washington.

Is-Senat – jew il-Kamra ta’ Fuq tal-Kungress Amerikan – se jieħu ħsieb l-impeachment, li hu simili għal ġuri, li għandu jiddetermina jekk Donald Trump hux ħati dwar l-inċitament tal-folol tal-partitartji vjolenti li, aktar kmieni fix-xahar, assedjaw il-bini tal-Capitol (f’Washington) bir-riżultat li mietu ħames persuni, inkluż uffiċjal tal-pulizija.

Trump kien ilu jirrepeti allegazzjonijiet foloz dwar frodi fl-elezzjoni presidenzjali tat-3 ta’ Novembru waqt li tenna kemm-il darba  — mingħajr ma qatt ressaq provi – li ‘hu kien ir-rebbieħ veru ta’ elezzjoni misruqa’.

Ix-xeni vjolenti tas-6 ta’ Jannar f’Washington waslu wara li Donald Trump, waqt diskors, irrepeta l-allegazzjonijiet dwar il-frodi elettorali waqt li ħeġġeġ lis-sostenituri tiegħu biex ‘jimmarċjaw għal quddiem il-bini tal-Capitol’.

L-impeachment jinvolvi kapitlu straordinarju fl-istorja tal-Istati Uniti peress li Trump se jsir l-ewwel President Amerikan li se jkun akkużat dwar imġieba ħażin bħala ‘mexxej nazzjonali’ għat-tieni darba f’leġislatura unika.

F’każ li jinstab ħati, is-senaturi jistgħu anki jivvutaw biex hu qatt aktar ma jingħata kariga pubblika oħra tul ħajtu. Intant, Trump ikun dikjarata ħati f’każ li maġġoranza ta’ żewġ-terzi tas-senaturi jiddeċiedu hekk. Dan ifisser li talanqas 17-il membru Repubblikan tas-Senat iridu jivvutaw ‘mad-Demokratiċi’ fil-kamra li, ftit jew wisq, hi maqsuma bejn il-partiti rivali.

Il-Kamra tar-Rappreżentanti, fil-lejl tal-Erbgħa vvutat biex Trump ikun akkużata formament dwar ‘inċitament għal rewwixta’ – bl-Ispeaker tal-Kamra, Nancy Pelosi, tirreferi għall-President bħala ‘periklu għan-nazzjon’.

L-akkuża hi relatata mar-rwol ta’ Trump fl-irvellijiet vjolenti ta’ Washington, bil-President Repubblikan jiċħad għal responsabbiltà fil-vjolenza.

Intant, Donald Trump, għall-ewwel darba, addotta ton konċiljatorju u – wara l-vot fil-Kamra tar-Rappreżentanti – ħeġġeġ biex il-partitarji jibqgħu kwieti u ma jirrikorrux għall-vjolenza. F’dan l-appell, Trump ma għamel l-ebda referenza għall-impeachment tiegħu.

Madankollu qed tiżdied xorta t-tensjoni fil-kapitali Amerikana fejn l-awtoritajiet qed iħejju għal kull possibbiltà. Dan waqt li l-Federal Bureau of Investigation (FBI) wissa dwar il-possibbiltà ta’ ‘protesti armati’ f’Washington u fil-50 belt kapitali tal-Istati Amerikani matul il-ġranet qabel l-inawgurazzjoni ta’ Joe Biden (Demokratiku) bħala l-President ġdid tal-Istati Uniti.