Lokali

Wasal iż-żmien li Robert Abela jinħatar imperatur u jagħżel il-Parlament hu minflok il-poplu?

Repubblika tikkundanna il-manuvrar arroganti u ċiniku tal-Prim Ministru Robert Abela biex idaħħal in-nies tiegħu fil-Parlament.  

F’sena waħda huwa se jkun irnexxielu jdaħħal tliet persuni li għażel hu fil-Parlament mingħajr ma dawn lanqas ġabu vot wieħed fl-aħħar elezzjoni ġenerali.  

Agħar minn hekk jidher li Robert Abela għamel dan kollu biex jaqla’ barra lill-persuna li kienet se tkunu magħżula demokratikament.

Ninnutaw li l-elezzjoni u r-riżenja wara ftit sigħat ta’ Gavin Gulia, orkestrata minn Robert Abela biex idaħħal fil-Parlament lil min irid hu, seħħet jumejn wara li Dr Kenneth Grech tneħħa minn fuq il-COVID-19 Response Team. Robert Abela jrid biss lil min jilgħaqu. Ma jridx jisma’ fehmiet differenti minn tiegħu. Din l-attitudni hi riflessa wkoll fl-isforz li għamel biex jagħlaq qabel żmienha l-inkjesta dwar l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia.

Dr Abela għandu jieqaf jilgħab bid-demokrazija u nfakkruh li l-Parlament u demokrazija mhumiex propjetà privata tiegħu iżda teżor tagħna lkoll.

Dan l-episodju hu argument ieħor favur il-bżonn ta’ riforma fil-Parlament biex jieqaf ikun tapit taħt saqajn il-gvern u minflok isir għassies fuq daru.