Lokali Saħħa

Aktar manuvri din id-darba dwar l-isptarijiet

Il-Prim Ministru Robert Abela baqa’ ma’ ċaħadx l-istorja żvelta mill-ġurnal il-Mument dwar il-manuvri li qed isiru bejn il-Gvern Laburista u l-kumpanija Steward Healthcare dwar l-Isptar Ġenerali t’Għawdex. Anzi, Robert Abela kkonferma li għaddejin diskusjonijiet dwar il-futur tal-isptarijiet -diskusjonijiet li qed isiru minn wara dahar il-poplu.

Din il-konferma qed twassal għal ħafna mistoqsijiet li Robert Abela qed jibqa’ jaħrab milli jwieġeb. U minkejja l-konferma ta’ deal ġdid, ebda konferma dwar jekk il-poplu hux se jieħu l-isptarijiet tiegħu lura.

Ħafna qed jistaqsu: Jekk id-deal ta’ Steward jitħassar, u allura jkun ingħata ċertifikat ta’ falliment, x’se jiġri mill-flus li l-Maltin u l-Għawdxin ħallsu lil din il-kumpanija barranija? Se nieħduhom lura jew se jibqgħu għand il-kumpanija li bħala pajjiż ħallasna mingħajr ma ħadna xejn lura? – Mistoqsi dwar dan, Robert Abela ħarab milli jwiegeb u injora għal kollox l-mistoqsijiet tagħna.

Intant, in-nuqqas ta’ dettalji minn naħa tal-Prim Ministru dwar l-aħħar diskussjonijiet ma’ Steward Healthcare iħallu l-poplu Malti fid-dlam dwar il-futur tal-Isptar Karin Grech u l-Isptar San Luqa.

Sorsi ndikaw li dawn in-negozjati jinsabu fi stadju avvanzat, negozjati sabiex l-Isptar Ġenerali t’Għawdex f’idejn l-istat. Madanakollu jidher li l-Isptar San Luqa u l-Isptar Karin Grech ser jibqgħu f’idejn Steward.

Il-Partit Nazzjonalista  ilu s-snin jiġġieled il-ġlieda biex il-poplu Malti jerġa jieħu f’idejh it-tliet sptarijiet li kienu ngħataw lil Vitals tant li dwar dan ghad hemm ukoll proceduri fil-Qorti li kienu infethu mill-eks Kap tal-PN Adrian Delia.

Dan l-aħħar żvilupp ifisser li minkejja li l-Awditur Ġenerali stqarr b’mod car li t-tender li ngħata lil Vitals kellu jiġi skwalifikat – dawn l-isptarijiet, jew talanqas tnejn minnhon, ser jibqgħu f’idejn il-barrani għad-detriment tal-poplu Malti, minkejja s-sħaba ta’ korruzzjoni fuq dan il-ftehim.