Internazzjonali

Covid-19: Belt fil-Brażil f’xifer ta’ katastrofi…Ir-Renju Unit iwaqqaf l-ivvjaġġar mill-Amerika Latina

Is-servizzi tas-saħħa fil-belt at’ Manaus, fil-Brażil, qed jiffaċċjaw katastrofi meta ma jistgħux ilaħħqu mal-impenji ta’ emerġenza waqt il-pandemija. It-trattament tal-pazjenti qed isib l-intoppi kbar fost nuqqas akut ta’ provvisti tal-ossiġnu u ‘sitwazzjonijiet ta’ disprament fost l-istaff’.

Dan meta f’Manaus (fl-Istat tal-Amazonas) żdiedu sew l-infezzjonijiet u l-imwiet mill-Covid-19, bl-uffiċjali jwissu li kapaċi jmutu ‘ħafna oħrajn’ minħabba nuqqas ta’ provvisti u għajnuna.

Il-Brażil hu t-tieni l-aktar pajjiż ( wara l-Istati Uniti) li rreġistra imwiet ( ‘il fuq minn 205,000) mill-coronavirus.

Sadanittant, ix-xjenzati qed jgħidu li l-bidliet ( mutations) ta’ dan il-virus qattiel qed jidhru assoċjati maż-żidiet sinifikanti fin-numru tal-infezzjonijiet fid-dinja.

Fl-aħħar sigħat, ir-Renju Unit ipprojbixxa t-titjiriet mill-Amerika t’Isfel, fost l-inkwiet dwar varjant ġdid tal-coronavirus li kien identifikat fil-Brażil. Jaħsbu li dan il-varjant – bħall-varjanti l-oħra indikati fir-Renju Unit u l-Afrika t’Isfel – kapaċi għandu potenzjal ‘jerġa’ akbar li jinfetta lin-nies’.

It-travel ban ġdid impost mir-Renju Unit hu validu għall-persuni li, f’dawn l-aħħar għaxart ijiem, ivvjaġġaw minn, jew għamlu żmien, fl-Arġentina, il-Brażil, il-Bolivja, iċ-Ċile, il-Kolombja, l-Ekwador, Guyana, il-Paragwaj, il-Peru, Suriname, l-Urugwaj u l-Veneżwela.

Il-projbizzjoni qed tapplika wkoll lill-Portugall minħabba r-rabtiet ewlenin tiegħu mal-Brażil, kif ukoll ma’ Cape Verde u l-Panama. Min-naħa tiegħu, il-Gvern tal-Portugall fisser id-deċiżjoni tar-Renju Unit biex jissospendi t-titjiriet minn artu bħala ‘assurda u illoġika’.