Lokali Qorti

Erba’ snin ħabs għal Ġorġjan f’ċirku ta’ kriminalità fuq serq minn residenzi

Raġel ta’ 32 sena mill-Ġorġja ġie kundannat erba’ snin ħabs mill-Maġistrat Rachel Montebello wara li nstab ħati li kien jagħmel parti minn ċirku ta’ kriminalita organiżżata. Huwa nstab ħati wkoll ta’ serq minn żewġ residenzi.

Elguja Bzikadze instab ħati li fid-29 ta’ Awissu 2018, bejn 12:00pm. u 1:30pm. minn residenza f’ Ħal Balzan seraq diversi ġojjelli li l-valur tagħhom jaqbeż is-somma ta’ €2,329.37.  

Instab ħati wkoll li jumejn qabel din is-serqa bejn it-08:00am. u l-10:00am. minn appartament f’San Pawl il-Bahar seraq apparat elettroniku u gojjelerija, li ma teċċedix l- €2,329.37. Is-serq kien jinkludi ġiżirajjen tad-deheb, ċrieket u muniti tal-fidda.

Bzikadze instab ħati wkoll li pparteċipa b’mod attiv fl-attivitajiet kriminali ta’ grupp ta’ kriminali barranin li jispeċjaliaw fis-serq u li fl-istess perjodu, lok u ċirkostanzi appartjena ghal-ghaqda msemmija.

Xhud importanti fil-każ kienet mara li qalet li fis-27 ta’ Awwissu 2018, għall-habta tat-8.30 a.m. kienet dieħla mill-bieb tal-komun ta’ blokka ta’ appartamenti f’San Pawil il-Baħar u ltaqgħet wiċċ imb’wiċċ ma’ raġel.

Dan ir-raġel, qalet ix-xhud ma kienx wieħed mir-residenti, iżda fetħilha l-bieb tal-komun u ħareġ. Qalet li kienet għarfet lil din il-persuna bhala l-imputat.

Qalet ukoll li hija rat illi wara huwa ħareġ mill-blokk, qasam it-triq għall-faċċata u beda jħares lejn il-blokk, qabad il-mobile u beda jċempel u ftit tal-hin wara, rat ukoll raġel ieħor fil-komun nieżel bil-lift u f’idu kellu xi karti kif ukoll handbag.

Il-mara qalet li bdiet tissuspetta li dawn il-persuni daħlu biex jisirqu minn wiehed mill-appartamenti,u telgħet sular sular fil-blokk sakemm rat il-bieb tal-penthouse bin-numru 5, miftuħ u lemħet ukoll diversi kxaxen fuq gewwa miftuħin.

Il-Ġorġjan ma nstabx ħati li seraq ġojjelli, apparat elettroniku minn dar fil-Mosta bejn it-22 u l-24 ta’ Awwissu u minn residenza oħra f’San Pawl il-Baħar fit-18 ta’ Awwissi.

Lanqas ma nsytab ħati li kien hu li waqqaf din l-assoċjazzjoni ta’ ċirku ta’ kriminalità jew li kien qed jorganizza l-attivitajiet kriminali li kellhom jitwettqu mill-membri taghha.

Mill-provi huwa stabbilit li din l-ghaqda kienet attiva u qed topera anke qabel il-wasla tal-imputat f’Malta . Il-Qorti qalet li huwa minnu li l-imputat kera zewg vetturi f’ismu u hallas huwa stess l-ispejjeż tal-kiri fis-somma totali ta’ €300 f’kontanti, liema vetturi ntużaw ghat-twettiq jew għall-ippjanar ta’ mill-inqas żewġ serqiet.

Madankollu l-Qorti qalet li din il-funzjoni, għalkemm għandha titqies bhala rwol determinanti fl-assocjazzjoni, m’hijiex tal-entità tali li twassal għal prova ta’ finanzjament jew organiżazzjoni tal-għaqda kriminuża minn naħa tal-imputat ghall-fini ta’ twaqqif.

Mill-investigazzjonijiet tal-Pulizija dawn kienu waslu biex ġew identifikati żewġ appartamenti f’San Pawl il-Baħar, li kienu gew mikrijin lil persuni ta’ nazzjonalita mill-Ġorġja.

Meta l-Pulizija kienet daħlet f’appartament minnhom instabu tliet irġiel u diversi oħrajn f’appartament ieħor instabu oħrajn kollha ta’ nazzjonalità Ġorġjana, wieħed minnhom ikun l-imputat.

Kienu nstabu wkoll diversi dokumenti, fosthom polza tal-assikurazzjoni tal-ivvjaġġar, biljett tal-ajru u bookings għal żewġ lulandi, kollha propjetà tal-imputat. Fl-appartamenti kienu nstabu diversi oġġetti li kienu suspettati misruqa.

F’appartament minnhom instabu kwantita ta’ boroż bid-deheb, ċrieħet, ġiżirajjen, muniti antiki u arloġġi, filwaqt li fl-appartament l-ieħor instab
ammont ta’ għodod, nuċċalijiet tax-xemx u top-up cards fost oġġetti oħrajn

L-ispetturi Lydon Zammit u Christina Delia mexxew il-Prosekuzzjoni filwaqt li l-Avukat David Gatt deher għal Bzikadze.