Coronavirus Lokali

Iċ-Ċertifikat tal-Vaċċin m’għandux ikun l-uniku mezz biex tivjaġġa – MHRA

Fi stqarrija, l-MHRA sostniet li iċ-ċertifikat tal-vaċċin ma jistax ikun l-uniku kriterju sabiex wieħed ikun jista’ jitħalla jivvjaġġa.

Ir-realtà tas-sitwazzjoni tat-tilqim hija li, fil-każ ta’ Malta, kif iddikjara reċentement il-Ministru Fearne, il-vulnerabbli u dawk li għandhom iktar minn 65 sena se jiġu mlaqqma sa Mejju. Dan il-qafas ta’ żmien huwa aktar tard minn ħafna pajjiżi oħra.

Jekk Ċertifikat tal-Vaċċin ikun l-uniku kriterju biex tivvjaġġa huwa probabbli li l-ivvjaġġar fis-sajf ikun riservat għal dan il-grupp biss. Hija r-rakkomandazzjoni tal-MHRA li ċ-Ċertifikat tat-Tilqim m’għandux jissostitwixxi t-test negattiv tal-COVID u l-kriterji għall-ivvjaġġar ikunu test COVID negattiv JEW Passaport tat-Tilqim.

Il-President tal-MHRA Tony Zahra qal li “dawn l-aħħar 12-il xahar laqtu l-industrija tat-turiżmu saħansitra iktar minn Tsunami. Il-vaċċin ma wasalx malajr biżżejjed u filwaqt li konna ttamajna li r-rata tat-tilqim tkun aktar mgħaġġla, madankollu nifhmu li hemm ostakli”.