Internazzjonali

Il-Korea ta’ Fuq tintroduċi ‘l-aktar arma b’saħħitha fid-dinja’

Ir-reġim komunista tal-Korea ta’ Fuq għadu kemm ‘żvela’ tip ġdid ta’ missila ballistika li tinġarr fuq sottomarin u li l-istampa ta’ Pyongyang qed tfissirha bħala ‘l-aktar arma b’saħħitha fid-dinja’.

Uħud minn dawn il-missili ‘speċjali’ serqu l-attenzjoni waqt parata militari partikulari fi Pyongyang li attenda għaliha l-Mexxej Korean komunista Kim Jong-un.

Din il-wirja ta’ saħħa militari setgħet saret ukoll bħala ‘messaġġ’ lill-Istati Uniti – jiem biss qabel l-inawgurazzjoni (fl-20 ta’ Jannar) ta’ Joe Biden bħala l-President Amnerikan ġdid.

Il-parata bil-missili kienet organizzata wara laqgħa politika rari fil-Korea ta’ Fuq fejn Kim Jong-un ikkundanna lill-Istati Uniti bħala ‘l-akbar għadu ta’ pajjiżu’.

Sadanittant, l-analisti u l-esperti qablu li l-missila ballistika li ‘iddebuttat’ waqt ilk-parata ‘qatt ma kienet dehret qabel’.

Fl-istess ħin, kienu ċirkulati ritratti ta’ Kim Jong-un bi tbissima waqt li qed ixejjer lin-nies fost il-parata speċifika li saret fi Pjazza Kim Il Sung ( fi Pyongyang) —  u fejn spikkaw ukoll ir-riġmenti tat-truppi u dimostrazzjonijiet ta’ artillerija u tankijiet tal-gwerra.