Lokali

Il-Ministru tal-Finanzi għandu jkun ċar u jindika jekk hux qed jippjana bidliet għas-sistema fiskali ta’ pajjiżna

Il-Partit Nazzjonalista jagħmel referenza għad-diskors tal-Ministru tal-Finanzi Clyde Caruana waqt business breakfast li nżamm illum mill-Partit Laburista fejn il-Ministru tal-Finanzi ġie rrapurtat mill-midja indipendenti illi ta indikazzjoni ta’ bidliet fis-sistema ta’ tassazjoni u fiskali ta’ pajjizna sabiex tigi evitata pressjoni internazzjonali.

Fi stqarrija maħruġa mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Finanzi Mario de Marco, il-Partit Nazzjonalista jappella lill-Ministru tal-Finanzi biex ikun ċar fid-diskors tiegħu u jindika x’bidliet beħsiebu li jwettaq u jekk il-Gvern illi tiegħu jifforma parti laħaqx ikkommetta ruħu li se jsiru bidliet. Il-Partit Nazzjonalista jirrileva illi tul is-snin is-sistema fiskali u ta’ tassazjoni ta’ pajjiżna gawdiet minn qbil unanimu parlamentari u kienet waħda mill-aspetti kompetittivi ta’ pajjiżna illi kkontribwiet għat-tkabbir ekonomika ta’ dawn l-aħħar għoxrin sena.

Filwaqt illi Gvernijiet differenti ta’ pajjiżna dejjem kienu soġġetti għal pressjoni internazzjonali dwar is-sistema fiskali tagħna, s’issa qatt ma ċedew għal din il-pressjoni u dejjem ħaddnu l-prinċipju ta’ sovranita’ fiskali. Tkun daqqa ta’ ħarta għal pajjiżna jekk il-Gvern ta’ Robert Abela ċeda għal din il-pressjoni.

Għal dawn ir-raġunijiet huwa important li l-Ministru tal-Finanzi jiċċara d-diskors tiegħu u jindika jekk hux qed jippjana bidliet għas-sistema fiskali ta’ pajjiżna,  f’każ illi iva f’hix jikkonsistu dawn il-bidliet u jekk laħaqx ikkommetta ruħu f’fora internazzjonali li se jkun hemm bidliet.