Coronavirus Ekonomija Lokali

Il-Ministru tal-Finanzi jitkellem dwar il-pandemija, id-dejn u t-taxxi

Aktar Membri tal-Kabinett ta’ Robert Abela komplew jikkontradixxu d-diskors tal-istess Prim Ministru dwar id-dikjarazzjoni tiegħu li dalwaqt inkunu ‘business as usual’. Din id-darba kien imiss il-persuna li Abela għażel biex ikun Chief of Staff tiegħu u sussegwentgament biex ikun il-Ministru tal-Finanzi, Clyde Caruana li saħaq li “l-isfidi ma jispiċċawx meta nlaqqmu lil kulħadd.” Caruana kien qed jindirizza business breakfast bit-titlu “Lejn prosperita’ Gdida”.

Din id-dkjarazzjoni tasal ftit jiem biss wara li l-Prim Ministru saħaq li ma tantx fadlilna biex inkunu lura għan-normal, meta hu abbina l-bidu tat-tehid tal-vaċċin mal-frazi ‘business as usual’.

Intant, il-Ministru tal-Finanzi, waqt diskors ta’ madwar 10 minuti, spjega b’numru ta’ eżempji, għalfejn huwa prattikament impossibbli li nkunu “business as usual”. L-ewwel spjega kif id-daqqa tal-pandemija se tkun agħar mid-daqqa tal-aħħar reċissjoni li esperjenzat id-dinja kollha. Hu tkellem dwar kif dan se jwassal għal żieda fid-dejn ta’ pajjiżna. Dan filwaqt li spjega kif bħalissa għaddejin diskussjonijiet bejn il-Ministri tal-Finanzi tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea dwar żieda fit-taxxi miħabba żieda fl-infieq.